Home Iż-żejt qiegħed f’wiċċ l-ilma

    Iż-żejt qiegħed f’wiċċ l-ilma

    5 minuti qari

    “Nagħtu s-saħħa lill-poplu…inqarrbu ċ-ċittadin lejn il-Parlament” niftakar lill-President tal-Kamra Dr. Anġlu Farrugia jgħid b’sudisfazzjon. Dan kien l-għan ewlieni tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet li ġie fformalizzat f’Novembru tas-sena 2016 minn gvern PL. Niftakarni bħala whip, niftaħar dwar l-oġġettivi tat-twaqqif tal-Kumitat u meta tħabbru l-ewwel membri tiegħu.

    Tgħiduli imma dan il-Kumitat tal-Kamra kif jista’ qatt jaffettwa lili? Il-petizzjonijiet, bħal referendum, jixhdu fehma, dritt ta’ espressjoni u dritt ta’ assoċjazzjoni. Iċ-ċentru tal-politika hu l-bniedem u d-dinjità tiegħu. Dawn huma drittijiet fundamentali. Petizzjoni dwar kull suġġett tista’ titressaq lill-Kumitat bil-miktub jew mis-sit elettroniku tal-Parlament. Wara li din is-sejħa tagħlaq, il-Kumitat jivverifika u jipproċessa t-talba.

    Imma r-rieda taċ-chairperson li għandu l-għażla li jiddetta l-aġenda, biex il-proċess tal-petizzjonijiet imqiegħda mill-pubbliku jsir f’waqtu, x’inhi?

    Jidher li l-kredibilità, il-kompetenza, l-indipendenza u l-integrità ta’ dan il-Kumitat qed tintile Għalhekk din l-ittra miftuħa indirizzata liċ-chairperson tal-Kumitat. Jien tal-fehma li dan mhux każ iżolat.

    Għażiż Chairperson,

    Nirreferi għall-każ tal-petizzjoni mressqa nhar l-4 ta’ Mejju 2018 minn 1865 ċittadin dwar irqajja’ ta’ slime li jiffrekwentaw il-kosta, mill-Qawra sa Tas-Sliema  u li sal-lum għadha ma ġietx ipproċessata mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet.

    Ngħarrfek li jien kemm-il darba tkellimt fuq dan is-suġġett fil-Kamra permezz ta’ mistoqsijiet parlamentari u aġġornamenti u ressaqt is-suġġett tal-irziezet tat-tonn fid-dawl tal-Istrateġija dwar l-Akwakultura fil-Gżejjer Maltin 2014-2025, għad-diskussjoni fil-Kumitat Permanenti tal-Ambjent u Ippjanar tal-Iżvilupp. Dan dejjem għamiltu bl-oġġettiv li nsaħħu l-industrija tas-sajd u l-akkwakultura filwaqt li nħarsu s-sostenibbiltà ta’ pajjiżna u s-saħħa tal-poplu.

    Infakkrek li dan il-Kumitat twaqqaf fl-2016, skont wegħda elettorali, biex jinħoloq mekkaniżmu ħalli l-pubbliku jkollu aċċess u jiġi stabbilit metodu għall-mod kif jitressqu petizzjonijiet lill-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, il-Parlament, filwaqt li nfetaħ aċċess ġdid għall-mod kif tiġi ppreżentata petizzjoni b’mod elettroniku. L-għan dejjem kien u hu biex leħen iċ-ċittadin jinstema’ f’waqtu.

    Ngħarrfek li l-ġimgħa li għaddiet staqsejt lill-President tal-Kamra b’ittra elettronika li taqra hekk:

    Mistoqsija lill-President tal-Kamra

    Nirreferi għall-Kumitat tal-Petizzjonijiet rigward: https://parlament.mt/en/petition/?id=12, iffirmata minn 1865 ċittadin. Din kienet għalqet nhar l-4 ta’ Mejju 2018. Minn dakinhar ’l hawn, dan is-suġġett ġie diskuss fil-11 ta’ Ġunju 2018 u fid-9 ta’ Lulju 2018 bla ebda konklużjoni. Talbiet ripetuti minn ċittadini biex is-suġġett jingħalaq mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet qed jiġu injorati bi skużi banali, li juru diżrispett politiku.

    Nifhem li l-ispirtu ta’ twaqqif ta’ dan il-Kumitat kien biex il-Parlament joqrob lejn iċ-ċittadin. Minbarra li nitolbok tirregola dan l-għemil, insaqsik x’inhuma l-poteri tiegħek biex ix-xogħol tal-kamra jsir f’ħinu u b’rispett lejn l-interess pubbliku?

    Ir-risposta tal-President tal-Kamra kienet tali, li titfa’ r-responsabbiltà fuqek u fuq il-membri tal-Kumitat:

    “Inkarigat mill-Ispeaker biex ninformak li ma jistax jilqa’ din il-mistoqsija peress li tmur kontra l-Ordni Permanenti 27(4) li tgħid hekk: “M’għandhiex issir interpellanza dwar proċeduri f’kumitat li ma jkunux tqiegħdu quddiem il-Kamra b’rapport tal-Kumitat.” Sadanittant is-Sedja tixtieq tinformak li hija informata li l-President tal-Kumitat qiegħed jieħu nota tad-diskussjoni li għaddejja bħalissa dwar il-materja inkwistjoni u se jkun qed ilaqqa’ l-Kumitat fil-ħin opportun.”

    Għaldaqstant, f’isem dawn iċ-ċittadini u fil-kapaċità tiegħi bħala membru rappreżentattiv tal-Kamra, qed nitolbok biex tiġġustifika l-pożizzjoni li ħadt u għalfejn qed tonqos li ttellagħha bħala item fl-aġenda għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat. Nifhem ukoll li int membru tal-Eżekuttiv u tahdem fl-istess Ministeru li jhares l-Awtorita tal-Ippjanar u għaldaqstant l-ezistu tal-petizjoni seta jkollu pożizzjoni ferm differenti kieku ċ-chairperson kien ġej mill-backbench.

    Dak li int ikkomunikajt permezz tas-segretarja tal-Kumitat fl-ittra li bgħatt lir-rappreżentant tal-petizzjoni inkwistjoni nhar it-13 ta’ Frar tgħid hekk: “Qabel ma l-Kumitat jiltaqa’ biex jieħu pożizzjoni se jkun qed jieħu nota tal-iżviluppi dwar din il-materja li għaddejja bħalissa.” Dan fil-fatt ifisser li hemm aktar il-ħtieġa li dan il-proċess jingħalaq. 

    Din hi t-tielet korrispondenza bi skuża differenti. Nifhem li din il-pożizzjoni li int qed tirreferi għaliha f’isem il-Kumitat ma tista’ qatt tiġi affettwata u m’għandhiex x’taqsam ma’ deċiżjonijiet politiċi u ministerjali, la ma dawk amministrattivi bħal tal-Awtorità tal-Ippjanar, u lanqas ma’ proċeduri kriminali jew investigazzjoni tal-Korp tal-Pulizija.

    Allura x’qed iżomm?

    Stennija ta’ disa’ xhur għal dan il-proċess parlamentari tixhed li hemm tlajjar, forsi bi skop ukoll, meta l-proċess hu wieħed issimplifikat, b’mod partikolari meta l-verifika tal-petizzjoni hi waħda elettronika u ssir b’mod awtomatiku.

    Napprezza risposta. 

    Nirringrazzjak,

    Godfrey Farrugia