Home Vlogg: Ir-responsabbiltà u d-determinazzjoni tal-Knisja għall-protezzjoni tal-minuri

    Vlogg: Ir-responsabbiltà u d-determinazzjoni tal-Knisja għall-protezzjoni tal-minuri

    2 minuti qari

    F’dawn il-jiem f’Ruma fil-Vatikan qegħdin niltaqgħu l-isqfijiet minn madwar id-dinja. Il-Papa Franġisku sejjaħ laqgħa speċjali li għaliha qegħdin jattendu l-presidenti tal-Konferenzi Episkopali ta’ madwar id-dinja, il-kapijiet ta’ wħud mill-ordnijiet reliġjużi l-kbar, u anke diversi isqfijiet ta’ Knejjes orjentali.

    L-idea tal-Papa Franġisku hija li flimkien niddiskutu r-responsabbiltà tal-isqof u tal-kapijiet tal-ordnijiet reliġjużi, tas-superjuri maġġuri tagħhom, biex inkunu nistgħu noffru protezzjoni sigura lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Se nitkellmu dwar ir-responsabbiltà tal-leadership fil-Knisja, tal-fatt li rridu nagħtu kont ta’ kif nuru tmexxija u anke kuraġġ f’dawn id-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu, u l-fatt li aħna rridu nkunu ċari mhux biss fid-deċiżjonijiet tagħna imma nuru trasparenza anke fil-konsegwenzi ta’ dak li jsir.

    Waħda mill-affarijiet importanti hija li qabel iltqajna, il-Papa Franġisku stedinna biex niltaqgħu ma’ wħud mill-vittmi tal-abbuż sesswali. Kif tafu l-laqgħa personali ma’ min sofra din it-trawma kbira, li tolqot ukoll mhux biss il-persuna u l-psikoloġija tagħha imma wkoll il-ħajja tal-fidi tagħha, hija laqgħa mhux faċli imma importanti ħafna li l-isqof ikun mess dawn il-ġerħat ħajjin fil-ġisem qaddis ta’ Ġesù, li hija l-Knisja tiegħu.

    Importanti li niltaqgħu bħala isqfijiet għaliex il-leadership tal-Knisja, l-ewwel nett irridu nkunu qalb waħda, ruħ waħda fid-determinazzjoni tagħna li noffru protezzjoni sigura li sserraħ ras il-komunitajiet tagħna u determinazzjoni li, fejn din il-pjaga isseħħ, aħna nirrispondu b’mod apert u kredibbli.

    Wieħed jifhem li madwar id-dinja hawn kulturi differenti u allura hemm bżonn li nkunu ċari fuq l-ideali u l-għanijiet li rridu nilħqu imma tajjeb ukoll li nisimgħu l-kelma qawwija tal-Papa u lil xulxin.

    L-appell tiegħi lil min qiegħed jismagħni u jsegwini hija li titolbu għalina biex id-dawl tal-Ispirtu Qaddis tal-Mulej, li huwa dawl ta’ prudenza u ta’ kuraġġ, imexxina biex inkunu tassew ragħajja skont il-qalb ta’ Ġesù, li quddiem il-lupu ma naħarbux imma nagħtu ħajjitna għall-protezzjoni u l-innoċenza ta’ wliedna.

    AQRA IKTAR: L-ARĊISQOF FIL-VATIKAN B’KONFERENZA DWAR L-ABBUŻ