Home Għawdex bħala reġjun ifisser li Għawdex ikun prijorità

    Għawdex bħala reġjun ifisser li Għawdex ikun prijorità

    2 minuti qari

    Għawdex jaffaċċja l-isfidi naturali tal-konnettività. Filwaqt li l-gvern wiegħed ir-raba’ vapur sena ilu, u servizz ta’ fast-ferry, il-gvern naqas milli jintroduċi miżuri bħal dawn. Min-naħa l-oħra neħħa s-servizz tal-merkanzija bejn ;-Imġarr u Sa Maison. Barra minn hekk, l-inizjattiva introdotta minn amministrazzjoni tal-PN biex jintefqu mill-inqas 10% tal-fondi tal-UE f’Għawdex ġiet abbandunata.

    Amministrazzjonijiet tal-PN ħadu diversi miżuri favur il- konnettività tal-Arċipelagu Malti. Bħala Ministru waqqaft il-kumpanija ta’ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ftaħt il-proġett tal-cruise liner terminal u introduċejt f’Malta il-linji ta’l-ajru low cost, miżuri li kollha tejbu l-konnettività tagħna bħala arċipelagu. Anke fil-każ ta’ Għawdex, l-amministrazzjonijiet tal-PN bnew tliet vapuri u komplew isaħħu l-vapur Ta’ Pinu li sar double decker biex jiffaċilitaw it-trasport tal-karozzi bejn iż-żewġ gżejjer. Is-sistema tat-telefonija diġitali li introduċejt fil-gżejjer Maltin kienet l-ewwel introdotta f’Għawdex. Dan ukoll tejjeb il-konnettività tal-gżira.

    Il-PN irid lil Għawdex ikun prijorità. Il-PN irid mhux biss ir-raba’ vapur iżda wkoll il-ħames wieħed sabiex nippjanaw bil-quddiem għan-numru dejjem jikber ta’ karozzi li jaqsmu bejn il-fliegi. Il-gvern irid jinvesti wkoll fl-edukazzjoni u jiftaħ skola primarja ġdida fir-Rabat. Barra minn hekk, il-privatizzazzjoni tal-isptar f’Għawdex għandha titreġġa’ lura. Il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed Għawdex reġjun biex l-Għawdxin jiddeċiedu huma. Mill-banda l-oħra l-Gvern Laburista qed jibqa’ jinjora lill-Għawdxin u flok jagħtihom aktar awtonomija u indipendenza kif wegħedhom fil-manifest elettorali, se jwaqqaf awtorità kkontrollata mill-Ministru. Għawdex dejjem kien prijorità għall-PN u dan ma jinbidilx hekk kif jikkonferma l-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali tal-PN li sar f’Għawdex.