Home Soluzzjoni issa, mhux 10 snin oħra

    Soluzzjoni issa, mhux 10 snin oħra

    3 minuti qari

    L-Għawdxin m’humiex ċittadini tat-tieni klassi. Dan il-Gvern ilu jagħlaq għajnejh għall-problema ta’ konnessjoni bejn Malta u Għawdex għal snin sħaħ, u qed jinjora dak li jridu jgħaddu minnu tant Għawdxin ta’ kuljum fejn iridu jdumu is-siegħat biex jaslu minn naħa għall-oħra.

    L-idea tal-mina fil-baħar jew bridge permanenti hija waħda tajba, imma hija 10 snin il-bogħod. Irridu nsolvu l-problema short term issa, billi jinġieb ir-raba vapur għall-Gozo Channel. Dan huwa l-ewwel pass biex intaffu l-problemi ta’ dewmien u ta’ frustrazzjoni ġustifikata għal dawk li jridu jaqsmu l-fliegu ta’ kuljum, u jridu jqattgħu siegħat sħaħ fi kjuwijiet ma jispiċċaw qatt, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa.

    Irridu azzjoni konkreta issa, mhux minn hawn u 10 snin oħra, u għalhekk irridu nieħdu passi biex ir-riżorsi tal-Gozo Channel jitjiebu, jiġu mmodernizzati u l-iżjed importanti – jinkiseb ir-raba vapur.

    Għalhekk il-ġimgħa l-oħra tlabt lill-Gvern biex minnufih jibda preparamenti biex jikseb ir-raba vapur għall-Gozo Channel. Minn naħa tiegħi jiena qiegħed nikkommetti ruħi biex naħdem biex niksbu fondi Ewropej li jistgħu jintużaw għal dan il-għan, bħal ma ntuża b’suċċess il-cohesion fund fil-bini tat-terminal taċ-Ċirkewwa. B’hekk biss insolvu din il-problema u jsir disponibbli mill-ewwel ir-raba’ vapur, għall-benefiċċju tal-familji Għawdxin.

    Kemm tista ddum tiċħad?

    Il-ġimgħa l-oħra kellna lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, jekk tista tgħidlu hekk, jiġi l-Parlament Ewropew fi Strasburgu u jipprova jiġġustifika dak kollu li ġara Malta fl-aħħar snin fejn tidħol is-saltna tad-dritt. Il-Ministru Bonnici jew ħaseb li l-Membri Parlamentari Ewropej kollha ma jsegwux dak li jiġri, jew ħasibhom kollha jaraw is-Super One d-dar.

    Owen Bonnici qal li l-Gvern Laburista qed jagħmel dak kollu li hu fil-ħila tiegħu biex issir ġustizzja fuq Daphne Caruana Galizia, u b’wiċċu minn quddiem qal ukoll li fl-investigazzjoni dwar 17 Black qed issir inkjesta kif suppost. Bonnici jaf li dawn iż-żewġ affarijiet it-tnejn li huma m’humiex minnhom, pero pprova jagħti x’jifhem li dan il-Gvern huwa tarka kontra l-korruzzjoni.

    M’hemmx għalfejn ngħidu li assolutament ħadd m’emmnu.

    Pero lill-Ministru Bonnici u lill-kumplament tal-Gvern, li jħossu li jien għandi nagħlaq ħalqi u nħallihom jagħmlu dak li jridu u li jogħġobhom, ngħidilhom li jiena xogħli u dmiri huwa lejn il-poplu Malti u Għawdxi.

    Dan il-Gvern m’huwiex Malta, u Malta m’hijiex dan il-Gvern.