Home Hemm bnazzi wara l-maltemp?

    Hemm bnazzi wara l-maltemp?

    3 minuti qari

    Dak li rajna f’pajjiżna fl-aħħar jiem kienet warda mill-agħar maltempati li laqtet lill-gżiritna f’aktar minn 30 sena. Ħafna ġarbu ħsarat kbar. Il-bdiewa tilfu l-prodott, ir-raħħala tilfu anke xi bhejjem, tal-ħwienet u r-restoranti sofrew ħsara fuq l-imwejjed u l-kjosks, oħrajn ġarrbu ħsarat fuq il-karozzi u l-ħitan tagħhom anke siti ta’ Heritage Malta kienu affettwati. Anke l-entużjasti tal-karnival sofrew danni fuq xi karrijiet. Il-kunsilli lokali raw ukoll ħerba f’numru ta’ żoni li huma responsabbli għalihom. F’San Ġiljan is-sajjieda tilfu 10 bċejjeċ tal-baħar. Ma dawn kollha irrid nesprimi solidarjetà.

    Illum żort iż-żona ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema fejn bosta qasmu miegħi l-esperjenzi tagħhom tad-danni li sofrew. Irrid nirringrazzja li dawk li b’xi mod jew ieħor taw kontribut biex jitnaddfu t-toroq u dawk li taw assistenza lil min kien fil-periklu. Jgħidu li wara l-maltemp jiġi l-bnazzi imma għal dawn il-bosta nies milquta hemm bnazzi? Ħafna qed jġħidu lil dawn kif nistgħu ngħinuhom?

    Irrid ngħid li kemm ili fil-Parlament Ewropew kellna nieħdu numru ta’ deċiżjonijet fuq għajnuna lil pajjiżi bħal Latvja li ġew milquta minn maltempata. Dan għaliex fl-UE hemm fond magħruf bħala l-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea li joffri għajnuna lill-pajjiżi membri meta jkunu milquta minn diżastri naturali permezz ta’ assistenza finanzjarja sabiex is-sitwazzjoni li tkun żviluppat tirritorna għan-normal mill-aktar fis possibbli. Malta diġà ibbenefikat minn €1 miljun minn dan il-fond wara li fl-2003 kienu seħħew ħsarat kbar minħabba l-maltemp. Issa wiehed irid jara li jekk il-ħsara tammontax għal dak li hu stipulat fil-liġi. Wara li jsir proċess ta’ kwantifikazzjoni tal-ispejjez Malta tara tkunx tista’ tagħmel użu minn dawn il-fondi li jippermettu miżuri sabiex ikun protett il-wirt storiku, tindif, tiswija biex ma tintilifx il-ħamrija, tiswija f’sistemi tat-telekomunikazzjoni, t-trasport, l-ilma u d-drenaġġ fost oħrajn. Mill-Parlament Ewropew ħa noffri l-assistenza kollha tiegħi sabiex jekk l-applikazzjoni tkun aċċettata din tgħaddi kemm jista’ jkun malajr mill-Parlament Ewropew. Irridu naraw ukoll nistawx nibbenefikaw minn fondi Ewropej oħra bħall-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej kif ukoll fondi tal-UE immirati għall-biedja.

    Nistennew l-għajnuna kollha disponibbli lill-Kunsilli Lokali, għajnuna li tinkludi mhux biss dik ta’ ħaddiema minn dipartimenti varji iżda wkoll sostenn finanzjarju sabiex jissewwew postijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Kunsilli Lokali, u li ġarrbu ħsarat fil-jiem li għaddew. Ejja naħdmu flimkien sabiex ngħinu lil dawk kollha li ġew milquta ħażin u sabiex niksbu l-aqwa rimedju għal ħutna Maltin u Għawdxin.