Home Pajjiżna f'qalbna

    Pajjiżna f’qalbna

    4 minuti qari

    Qiegħed fil-qalba ta’ raħal twelidi, f’Misraħ San Filep, nieħu te f’ħanut bilqiegħda fuq banketta ma xi nies midħla tagħhom. Konna qed inlabalbu dwar mitt ħaġa, meta persuna minn wara dahri, qiegħdet idejha fuq spallti u staqsietni “Pajjiżek f’qalbek?” Leħnu għaraftu. 

    Dlonk dort fuqu u b’nofs tbissima għidtlu “Dażgur.” 

    ĦażŻebbuġ hu l-post li kbirt fih u bla tlaqliq ngħid li tani sens ta’ identità komunitarju u kabbarli s-sens ċiviku. Għalija, kull raħal u belt f’Malta u Għawdex, miġbura lkoll flimkien jagħrfu l-karattru u r-ruħ tal-ejjer Maltin. Hu dan li jsawwar il-ġawhra ta’ nazzjon li ngħixu fih.

    Dort fuq l-oħrajn u staqsejthom “Pajjiżna hu f’qalbkom?

    Ħarist u kulħadd ħassejtu jdur fuqi. Kont naf li għal ħafna minnhom, il-Partit Laburista  jew Nazzjonalista jiġi qabel. Donnhom ma stennewhiex dik ir-rimarka, sakemm wieħed minnhom fetaħ id-diskussjoni.

    “Pajjiżna jkun f’qalbna meta kull wieħed minna jkun kburi b’dak kollu li jagħrafna b’mod uniku, bħala pajjiż” stqarr wieħed minnhom. Qabeż ieħor u tenna, ikolli nammetti, pajjiżna jkun f’qalbna meta ngħożżu l-valuri. Dawn huma s-sies ta’ dak kollu li jiddistingwina, anke bħala poplu wieħed. Qbiżt jien u komplejt magħhom, “għalija jfisser ukoll, li fik, tħoss dak l-orgolju li jqanqal tifħir u li titkellem għal Malta, għax hi artna. Meta tħobb lil pajjiżek tispiċċa tiddefendi l-interess pubbliku u l-ġid komuni, bħala nazzjon wieħed.” 

    Il-konverżazzjoni kompliet.

    Niftakar sew li fi triqti lura lejn id-dar, bqajt nirrifletti fuq dak li ntqal fid-diskursata. Wara kollox, is-sinifikat tal-istqarrija pajjiżna f’qalbna kien laqatni ferm u bdejt nixtarr ħsibijieti.

    Qed ngħixu fi żmien li mhux tas-soltu. Hu fatt li f’ċertu oqsma għamilna progress, imma f’oħrajn sejrin lura bħal granċ. Aktar minn qatt qabel hemm bżonn li jinbnew mill-ġdid prattiċi ta tmexxija li jħarsu l-interess pubbliku u l-kapital ta’ Malta b’mod assolut. Is-sistema politika preżenti hi marida, tant li hi maħtufa minnofs tużżana rjus kbar li għandhom ir-riħ fil-qala

    Il-Partit Laburista tal-Prim Ministru, kif ukoll il-Partit Nazzjonalista tal-Kap tal-Oppożizzjoni ħadmuna, tant li spiċċajna poplu aktar mifrud, ta’ aħna u huma u ta’“the winner takes it all fejn il-flus tqiegħdu qabel kull valur ieħor. Għandna sistema politika maħkuma minn żewġ partiti li hi kapaċi tikkonvinċi bil-midja partiġġjana tagħha li l-ħażin nistgħu npinġuh tajjeb.

    Ngħixu f’sistema fejn il-poplu spiċċa beżżiegħ biex jesprimi fehmtu. Spiċċajna tallaba għal dak li bi dritt hu tagħna u għalhekk irridu nagħżlu bejn kif wieħed jaġixxi u l-verità.

    Biex noħorġu minn qoxritna u biex infejqu lil pajjiżna, hemm bżonn li nkunu xhieda li pajjiżna hu għal qalbna.

    Għalija, bħala ċittadin, pajjiżi hu f’qalbi għax irrid inkabbar ġieħu. Minnaħa l-oħra, bħala membru parlamentari, pajjiżi hu f’qalbi għax impenjat li jkollna soċjetà ġusta u dik ir-ruħ soċjali li tgħożż id-dinjità tal-bniedem. Hemm il-ħtieġa li biex kull wieħed minna jilħaq il-milja tiegħu dan jitwettaq b’ħiltu. Hu b’hekk, li fl-aħħar mill-aħħar il-kwalità tal-ħajja titjieb u l-kuntentizza f’pajjiż titkattar. Bħala mexxej tal-Partit Demokratiku, pajjiżi hu għal qalbi, għax iċċentru tal-politika għalina hu l-bniedem u l-familja. Il-viżjoni f’kull qasam tal-ħajja, nindirizzawha bl-għan li nsaħħu lill-poplu Malti u Għawdxi u lil pajjiżna billi nħaddmu politika ħanina u għaqlija.

    Pajjiżna f’qalbna. Minn hemm hu t-tluq, hu l-qofol, biex niksbu l-vera suċċess ħalli ningħaqdu bħala nazzjon sħiħ. B’pajjiżna f’qalbna naslu u nwasslu. 

    #pajjiżnafqalbna hu l-messaġġ li jiddistingwi lill-Partit Demokratiku.