Home Viva viva l-Karnival

    Viva viva l-Karnival

    2 minuti qari
    Francis Zammit Dimech

    Din il-ġimgħa iltqajt ma’ bost voluntiera li kienu qed jaħdmu fuq il-preparazzjonijiet finali u jirranġaw il-ħsarat fuq il-karrijiet tal-karnival. Huma qaluli kif mhux biss tilfu wieħed mill-karrijiet imma talli oħrajn sofrew xi ħsarat ukoll. Irrid nesprimi solidarjetà mal-voluntiera kollha. Filwaqt li huwa tajjeb li l-Gvern se jikkumpensa għal dawn id-danni, huwa wkoll neċessarju li nippjanaw kif mistħoqq għal inċidenti futuri simili bħal dak li rajna din is-sena.

    Irridu nieħdu miżuri aktar konkreti. Għandna niżguraw li nipprovdu postijiet aktar siguri fejn jinżammu l-karrijiet tal-karnival. Maħżen partikolari spiċċa mingħajr parti mis-saqaf tiegħu u s-saqaf tat-tinda kien kompletament imfarrak. Il-Karnival Malti huwa parti integrali mill-kultura u t-tradizzjoni tagħna u l-voluntiera li jaħdmu f’dan is-settur jistħoqqilhom imħażen adegwati. Il-proġett tal-Marsa Carnival Village li se jkun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea huwa maħsub biex jipprovdi lid-dilettanti tal-Karnival bi spazju fejn ikunu jistgħu jesprimu l-ideat tagħhom u jaħżnu l-artijiet tagħhom b’mod kreattiv. Din hija inizjattiva pożittiva u l-Gvern jeħtieġ li jiżgura li proġett bħal dan jitlesta mingħajr dewmien, peress li d-dilettanti tal-karnival rċivew wisq wegħdiet matul l-aħħar snin. Biss ma sar xejn. Dan il-proġett huwa eżempju ieħor ta’ kif l-UE qed tappoġġja s-settur kulturali f’Malta.

    Il-Karnival ta’ Malta, li hu wieħed mill-eqdem festivals storiċi f’Malta, hu xi ħaġa li m’għandhux jintilef. Il-festivals huma avvenimenti importanti li jġibu n-nies flimkien biex jesperjenzaw il-kultura. Huma forza li tgħaqqad li għandha impatt pożittiv fuq is-soċjetà, iċ-ċittadinanza, l-ekonomija, il-wirt kulturali u l-iżvilupp estern. Permezz tal-Aġenda Ewropea l-Ġdida għall-Kultura li qed tiġi proposta mill-Kummissjoni Ewropea, jien imbuttajt għal aktar finanzjament għal festivals żgħar anke permezz tal-Programm Ewropa Kreattiva. Nixtieq nara programmi bħal dawn isiru aktar aċċessibbli għal organizzazzjonijiet żgħar. Dan huwa mod ieħor kif l-Ewropa tagħmel differenza fil-ħajja tagħna.