Home Is-solitudni ta' Netflix

    Is-solitudni ta’ Netflix

    3 minuti qari

    Netflix għadhom kemm ħabbru li se joħolqu addattament televiżiv tar-rumanz cult ta’ Gabriel García Márquez, One Hundred Years of Solitude.

    Iktar minn 30 miljun ruħ madwar id-dinja qraw dan il-ktieb, li ppopolarizza l-ġeneru ta’ magic realism u l-letteratura Sud-Amerikana. U fost dawn il-miljuni ta’ qarrejja, hemm ħafna li jidolizzaw ir-rumanz u jqisuh bħala bibbja letterarja. Ħafna qed jogħxew bl-aħbar ta’ Netflix, u fuq il-media soċjali għaddejjin links u shares u kummentarji sħaħ inixxu l-entużjażmu.

    Imma proprju għax hu daqstant rumanz cult u meqjus bħala tant importanti fil-kanonu letterarju tal-aħħar seklu, hemm ukoll dawk li huma ftit jew wisq imħassba bl-intenzjonijiet ta’ Netflix. F’kull addattament televiżiv jew ċinematografiku ta’ rumanz, ikun hemm element – inevitabbli, forsi – ta’ “tbagħbis”. Tibdil kultant ċkejken, kultant iżjed konsistenti, fl-istorja, fil-karattri, fl-iżvolġiment u abbli anki fil-messaġġ u l-intenzjoni tax-xogħol letterarju. Dal-aħħar snin kien hemm il-każ tal-addattament televiżiv ta’ The Handmaid’s Tale, rumanz ieħor cult tal-awtriċi Margaret Atwood. Addattament li rċieva ħafna tifħir fuq livell ta’ produzzjoni televiżiva, u reġa’ qajjem interess fir-rumanz fost firxa usa’ ta’ qarrejja – tant li Atwood ftit ilu ħabbret li qed tikteb is-sequel tar-rumanz. L-iżvijar mir-rumanz kien relattivament minimu – sforz ukoll l-involviment tal-awtriċi, Atwood, li ġiet ikkonsultata dwar il-bidliet prinċipali li saru.

    Snin ilu mbagħad, kien hemm l-addattament televiżiv ta’ Chocolat, rumanz bestseller tal-kittieba Joanne Harris. Fir-rumanz oriġinali, il-karattru “l-kattiv” huwa l-kappillan tar-raħal fejn hi ambjentata l-istorja. Fl-addattament televiżiv, xi karattri nbidlu biex il-kattiv sar is-Sindku tar-raħal mentri l-kappillan ġie mpinġi bħala iżjed baħbuħ milli xejn. Kien hemm, fiż-żmien meta ħareġ ir-rumanz, ħafna diskussjonijiet dwar jekk dan sarx biex ma jurtax is-sensibbiltajiet ta’ xi spettaturi.

    Iżda ma’ kull addattament ikun hemm id-diskussjoni eterna ta’ “liem hu l-aħjar, ir-rumanz oriġinali jew l-addattament televiżiv?” Min iħobb il-kotba, kważi dejjem jgħidlek li r-rumanz superjuri. Min-naħa l-oħra hemm min jirraġuna li l-addattament iwassal rumanz lil udjenza ikbar, u jgħin ixerred l-għarfien ta’ xogħlijiet kbar letterarji. Biex ma nsemmux ukoll il-vantaġġi ekonomiċi li addattament televiżiv iwassal lill-awtur – li, għala le, ikun spiss qatta’ ħajtu jikteb il-kotba b’farka biss mir-rikonoxximent li jaf iwassal it-televiżjoni.

    García Márquez, tul ħajtu qatt ma ta l-awtorizzazzjoni biex isir kwalunkwe addattament ta’ One Hundred Years of Solitude. Issa, wara mewtu, uliedu jidher li taw l-awtorizzazzjoni lil Netflix biex joħolqu xogħol televiżiv bl-Ispanjol – il-lingwa li bih hu miktub oriġinarjament ir-rumanz, li llum hu tradott f’madwar 37 lingwa differenti.

    L-addattament Netflix għandu joħroġ fl-2020. Nistennew u naraw …