Home Screening

    Screening

    3 minuti qari

    Ir-rata ta’ dawk li jaċċettaw li jipparteċipaw fl-iscreening tal-kanċer tal-musrana f’Malta hija ta’ 55% u skont studji madwar 40% ma pparteċipawx fl-iscreening tal-kanċer tas-sider. Barra minn hekk, terz biss tan-nisa li huma mistiedna jagħmlu screening tal-kanċer ċervikali imorru għat-test. Dan juri li għandna bżonn inwettqu kampanji biex inħeġġu aktar nies jipparteċipaw fil-programm tal-iscreening meta jiġu msejħa biex jagħmlu dan. Għandna bżonn niżguraw li s-servizzi tal-iscreening mhux biss ikunu disponibbli imma li r-rati ta’ parteċipazzjoni fihom ikunu għoljin ukoll. F’dan ir-rigward hija meħtieġa kampanja biex tqajjem aktar kuxjenza.

    Għandna bżonn ninvestu aktar fl-iscreening tal-kanċer. Sejbien bikri tal-kanċer ifisser li nistgħu insalvaw aktar ħajjiet. Hawnhekk nixtieq insostni t-talba tiegħi lill-gvern Malti biex jesplora l-possibbiltà li jintroduċi population based screening għall-kanċer tal-prostata. Din hija fil-fatt waħda mill-proposti li nedejt fil-ġimgħat li għaddew. Filwaqt li l-Pjan Nazzjonali dwar il-Kanċer jgħid li hija meħtieġa aktar evidenza xjentifika dwar dan, opinjonijiet oħra inkluż dik ta’ l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ l-Uroloġija, jindikaw li evidenza ġdida qed turi l-effikaċja fl-iscreening tal-kanċer tal-prostata.

    Il-fatt li l-iscreening tal-musrana, li ġie introdott minn amministrazzjoni tal-PN ġie estiż minn koorti ta’ l-età ta’ 60 sa 64 għal koorti li jkopri medda ta’ 15-il sena (55 sa 69 sena) huwa pass pożittiv. Waqt diversi laqgħat li kelli kien hemm ukoll dawk li tkellmu miegħi dwar il-bżonn li jkun ikkunsidrat ukoll li jespandu l-koorti tal-età ta’ programmi oħra ta’ screening, jekk id-dejta turi prova li dan huwa meħtieġ. Għalhekk ipproponejt ukoll li jkun hemm interoperabilità tad-dejta miġbura madwar l-UE permezz ta’ reġistri tal-kanċer. Dan jippermetti lill-professjonisti biex jifhmu aħjar ix-xejriet u jaġixxu kif xieraq.

    La qed nitkellem dwar l-iscreening Ma nistax ma nifraħx lill-Professur Godfrey Grech u lit-tim ta’ riċerkaturi mill-Università ta’ Malta għall-iżvilupp ta’ teknoloġija li se twassal sabiex il-kanċer tas-sider u tal-kolorektum jiġi maqbud fi stadju aktar bikri u sabiex id-dijanjosi tkun inqas invażiva u aktar sensittiva.

    Dan juri l-importanza ta’ investiment fir-riċerka tal-kanċer li hija essenzjali biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kanċer u biex jittejbu s-servizzi għall-pazjenti. Skond il-Eurostat, Malta tinsab it-tielet mill-aħħar meta niġu għall-investiment fir-riċerka. Fil-fatt, jiena tlabt ukoll lill-gvern biex iżid l-investiment fir-riċerka. Fil-livell tal-UE qed ninsistu wkoll għal aktar fondi speċifikament għall-kanċer li jolqot lit-tfal u kanċer rari.

    Matul l-aħħar ġimgħat, iltqajt ma’ diversi partijiet interessati inkluż pazjenti, professjonisti, xjentisti u NGOs biex nisma l-opinjoni tagħhom dwar is-suġġett u fil-jiem li ġejjin se nniedi dokument bi proposti dwar kif insaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer.