Home Ħajja mċaħħda għax il-pensjonijiet mhux kollha adegwati

    Ħajja mċaħħda għax il-pensjonijiet mhux kollha adegwati

    5 minuti qari

    Waqqfitni xiħa ġo trejqa. Ma kontx nafha, għalkemm hi kienet għarfitni u kienet taf sew min jien. F’kemm ilni ngħidlek sirna midħla ta’ xulxin u stednitni nidħol għandha. Kienet mara dħulija imma ta’ żaqqha f’fommha.

    Id-dar kienet ċkejkna, miżmuma xummiema bl-indafa. Stednitni npoġġi fuq sufan tad-drapp li żmienu kien għamlu. Hekk kif straħt fuqu, laqtitni ħaġa mhux tas-soltu. Kellha t-toilet biswit il-bieb ta’ barra u mhux magħluq f’kamra.

    Għamiltha tabirruħi li ma rajtux. Ma xtaqtx li forsi tħossha skomda. Tkellimna fuq mitt ħaġa, imma s-suġġett f’diskursati bħal dawn dejjem jaqa’ fuq it-tfal, li issa kienu tfarfru u marru joqogħdu f’darhom, il-politika, li wara kollox hi l-ħajja ta’ kuljum, u dwar kif hi ma setgħetx tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja. Kienet rabbiet familja waħedha. Il-pensjoni tagħha kienet 460 ewro u bis-saħħa tal-100 ewro tal-benefiċċju tal-mard kienet iġġaħġaħha. Sintendi kienet tgħaddi bil-biex. Kieku kienet tixtieq li darba kultant tiġbor il-familja madwar mejda u ssajrilhom ikla, iżda ma kinitx tista’. Meta kienet tagħmel hekk, kienet tiċċaħħad minn ħwejjeġ oħra.

    F’ħin minnhom qaltli, “Sirna pajjiż li biex tkampa trid tara kif ser iddabbar lira minn taħt. Issa jien tal-età tiegħi u mimlija problemi tal-mard, kif nista’ ndawwar lira żejda? Imnalla hemm it-tifla li xi drabi tixtrili xi ħaġa x’nilbes jew iddewwaqni xi ħlewwa mhux tas-soltu. Kemm se ndum bl-istess flokk jew inbill il-biskuttelli fit-te? Jien ma naqrax gazzetti, imma l-pjazza nismagħhom jitkellmu.” 

    Tlaqt minn hemm ħosbien u aktar imħeġġeġ biex b’ħidmieti nwassal l-uġigħ tal-qalb tagħha u ta’ ħafna oħrajn bħalha. 

    Jien nifhimha li l-pensjoni għandha tkun waħda li bis-saħħa tagħha l-familja jkollha rasha mistrieħa biex tal-anqas tkun tista’ tgħix ħajja diċenti u b’hekk tkun tista’ tgawdi saħħitha u s-sabiħ tal-ħajja. Fis-sena 1979 kienet saret reviżjoni tal-pensjonijiet u minn dakinhar ’l hawn ħafna kienu dawk il-pensjonanti li baqgħu lampa stampa, iqanċu minn xahar għal xahar, filwaqt li d-distakk bejn il-paga medja u l-pensjonijiet baqa’ jiżdied. 

    Minħabba f’hekk, il-Fond Monetarju Internazzjonali (l-IMF) kien ġibed l-attenzjoni tal-Gvern li l-pensjonijiet mogħtija tant kienu baxxi li numru ta’ familji pensjonanti kienu ser jidħlu fir-riskju tal-faqar. Saret reviżjoni ta’ xi wħud mill-kategoriji tal-pensjonijiet imma  mhux ta’ kollha kemm huma. Jidher li l-prassi bħalissa hi li minn sena għal sena u f’kull baġit, ser jintmissu numru ta’ kategoriji waħda wara l-oħra. Imma ġara li d-distakk bejn il-pagi u l-pensjonijiet hu kbir, iż-żieda tal-għoli tal-ħajja (il-COLA) m’għadhiex il-formola ġusta li tirrifletti l-għoli tal-ħajja la għal min jaħdem u lanqas għal min hu pensjonant u ż-żidiet li jingħataw f’għamla ta’ ħlas ta’ darba lill-pensjonanti biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas, huma tqarbin. 

    M’ilux wisq ukoll, iltqajt ma’ koppja oħra pensjonanta. Ir-raġel kien ħaddiem tas-sengħa mal-Gvern. Pensjoni ma kellhomx wisq, iżda biż-żieda tal-benefiċċji tat-tifla li kienet tbati b’diżabilità, kienu b’xi mod iwasslu. Iżda ġara li f’dawn l-aħħar sentejn biex jagħmlu tajjeb  għall-għoli tal-ħajja, kellhom ibigħu l-karozza, biex jiffrankaw l-ispejjeż tagħha, b’detriment, li t-tifla ma baqgħux joħorġuha daqs qabel.

    Jinħass ċar li hemm nuqqas ta’ mistrieħ il-moħħ u sfidi mhux tas-soltu għal dan l-istadju tal-ħajja.

    Koppja oħra li għadha kemm qabżet is-sebgħin hija beżgħana. Din is-sena se jagħlqilhom iċ-ċens tal-kera tad-dar u se jispiċċaw barra fit-triq. Il-pensjoni ma tagħmilx tajjeb biex jikru akkomodazzjoni, anke ċkejkna, allura diġà rrassenjaw ruħhom li jkollhom jidħlu ġo residenza tal-anzjani, anke kontra xewqithom. Sitwazzjoni oħra li ltqajt magħha riċentament hi dik ta’ mara li qabżet it-tnejn u sittin u hi divorzjata, għax ir-raġel sab mara iżgħar. Sintendi, billi hi dejjem kienet mara tad-dar, spiċċat bla pensjoni u trid tara kif tagħmel biex tgħix bir-relief.

    Nista’ nibqa’ sejjer. Dawn ilkoll huma esperjenzi ta’ ġrajjietna. Fostna hawn numru ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin pensjonanti li jixtiequ jkomplu jgħixu fil-komunità imma qed imissu l-qiegħ. 

    Nifhem li din hi prijorità u r-rimedju effettiv irid ikun issa għax hu ħinu. Diġà qegħdin tard. La għandna surplus ħadd m’għandu jitħalla barra u jekk l-assi tal-poplu jintużaw tajjeb, fl-interess pubbliku u tingħeleb il-korruzzjoni, il-finanzi jinstabu.

    Aħna tal-Partit Demokratiku kemm-il darba stabbilixxejna direzzjoni politika ta’ kif għandha titħares il-ħajja tat-tielet età. Hemm il-ħtieġa li jkollna qafas konkret li jindirizza l-pjan u l-politika tal-pensjonijiet bil-ħsieb, fit-tul u b’mod konkret.