Home Naħdmu għal Facebook iktar sigur

    Naħdmu għal Facebook iktar sigur

    3 minuti qari

    Is-sigurtà hija xi ħaġa importanti ħafna għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea tant li għal ħafna hija sors ta’ tħassib. Fix-xhur li għaddew, fil-Parlament Ewropew ħdimt fuq liġi ġdida li għandha l-iskop li twaqqaf it-tixrid fuq l-internet ta’ materjal marbut mat-terroriżmu. Fil-ġimgħat li għaddew, kelli ħafna laqgħat ma’ diversi stakeholders – fosthom ma’ rappreżentanti ta’ Google u Facebook stess – biex nisma’ l-veduti tagħhom. Ressaqt ukoll xi emendi biex din il-liġi li qed tiġi proposta, insaħħuha.

    L-importanza ta’ din il-liġi joħroġ ukoll mill-każ riċenti li seħħ fi New Zealand fejn persuna wettaq attakk li qatel bosta nies innoċenti u fl-istess waqt tella filmat fuq Facebook u li dan dam jiċċirkola online. Qamu bosta diskussjonijiet kemm pjattaformi fuq Facebook huma pronti biex jassiguraw li kontenut terroristiku jitneħħa minnfuh.

    L-emendi li ressaqt jirriflettu sew il-veduti tal-istakeholders li tkellimt magħhom, u jagħmluha ċara li filwaqt li rridu nagħmlu dak kollu possibbli biex inwaqqfu t-tixrid fuq l-internet ta’ materjal terroristiku, irridu nassiguraw ukoll li din il-liġi l-ġdida ma tippreġudikax il-libertà tal-espressjoni jew inkella twaqqaf, b’xi mod, it-tixrid ta’ materjal u informazzjoni ġurnalistiku, edukattiv jew dak marbut mar-riċerka.

    F’dan il-proċess ta’ tneħħija ta’ materjal illegali mill-internet, nemmen li għandu jkun hemm is-sehem u l-parteċipazzjoni ta’ awtoritajiet indipendenti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Ma jagħmilx sens li jkollna awtoritajiet amministrattivi responsabbli mit-tneħħija tal-materjal minn fuq l-internet għax dan jista’ jwassal għal ħafna abbuż, u saħansitra jista’ jwassal għal mossi li jmorru kontra l-prinċipji demokratiċi li tant ngħożżu. Allura, waqt li naqbel li jkun hemm xi awtorità kompetenti li tkun responsabbli minn dawn r-rwol, nemmen li xi ħaġa bħal din għandha tkun akkumpanjata minn miżuri serji (fosthom miżuri ġudizzjarji) biex ikun assigurat li dawn l-awtoritajiet jaħdmu indipendentament mill-gvernijiet rispettivi tagħhom.

    Tħassib ieħor marbut mat-tixrid tal-informazzjoni fuq l-internet huwa dak marbut mal-fake news u d-diskors ta’ mibiegħda (fosthom diskors li jinċita l-vjolenza). Pjattaformi bħal Facebook irriduhom jissaħħu fil-mod kif jitrattaw dan it-tip ta’ materjal. Fil-ġimgħat li għaddiet kellna diversi każijiet kien qed jintużaw profiles ta’ personalitajiet Maltin mingħajr permess biex jixxerred il-fake news – fosthom propoganda favur il-Gvern u b’links għal websites u artikli qarrieqa. Dawn ir-reklami damu ġimgħat sħaħ biex tneħħew. Iridu nagħmlu iktar biex innaqqsu d-diskors ta’ mibiegħda. Ħafna nies f’Malta, fosthom attivisti li huma parti mis-soċjetà ċivili, ġurnalisti u politiċi, huma kontinwament soġġetti għal kliem ta’ mibiegħda sempliċiment minħabba t-twemmin jew il-ħidma tagħhom. Allura, anke f’dan ir-rigward jeħtieġ iktar miżuri konkreti b’mod proattiv minn pjattaformi bhal Facebook.