Home Desmond Zammit Marmara għadu ma fehem xejn

    Desmond Zammit Marmara għadu ma fehem xejn

    2 minuti qari

    Fil-blog tiegħu ppubblikat ftit tal-jiem ilu, Desmond Zammit Marmara argumenta li l-MEPs Nazzjonalisti jmisshom jistħu talli vvotaw favur riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.

    Blogg: L-MEPs Nazzjonalisti jmisshom jistħu!

    L-argument ta’ Zammit Marmara huwa wieħed perikoluż ħafna għad-demokrazija u għad-drittijiet li ngawdu bħala ċittadini Ewropej. Aktar minn hekk Desmond Zammit Marmara kixef li għandu mentalità tipika tal-Partit Laburista li fundamentalment jibqa’ kontra Malta fl-Unjoni Ewropea.

    F’nofs il-kampanja tar-referednum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-UE fi Frar 2003, Zammit Marmara kien kiteb li jippreferi jkun pappagall ta’ Dr Alfred Sant u ddeskrivieh bħala wieħed mill-aqwa wlied ta’ Malta.

    Għaddew sittax-il sena minn dakinhar u Zammit Marmara għadu jaħsibha l-istess. Għadu jaħseb u jargumenta li l-Unjoni Ewropea hija “il-barrani” u “l-għadu”. Għadu ma fehemx li l-Unjoni Ewropea hija “aħna” l-Maltin u l-Għawdxin.

    Zammit Marmara qed jappella għal dak is-sens ta’ Nazzjonaliżmu falz, qarrieqi u diviżiv li għadhom jimbuttaw ħafna Alfred Sant u Joseph Muscat f’kulma jgħidu u f’kulma jagħmlu. Dan hu l-istess Nazzjonaliżmu li wassal għal Brexit u għall-kriżi politika bla preċedent li jinsab fiha r-Renju Unit.

    L-għodda demokratiċi f’pajjiżna, fl-Unjoni Ewropea u lil hinn għandhom jibqgħu jintużaw biex niżguraw li ma jkollniex l-abbużi, il-korruzzjoni u l-ksur tad-drittijiet fundamentali li qed naraw iseħħu b’mod kontinwu. Bl-argument ta’ Zammit Marmara, l-ebda ċittadin Malti m’għandu jmur quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu meta jħoss li d-drittijiet fundamentali tiegħu ġew miksura. Dan żgur m’għandux ikun il-każ.

    Għalhekk pajjiżna jixraqlu u għandu bżonn Membri Parlamentari Ewropej bħal David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech, li jitkellmu u jaġixxu fl-interess tas-sewwa f’pajjiżna u mhux jimmanuvraw biex jaħbu l-verità dwar dak li jseħħ bħalma ftaħar li għamel Alfred Sant ftit tal-jiem ilu dwar Egrant u Joseph Muscat.

    Tgħid sittax-il sena oħra Desmond Zammit Marmara jkun fehem xi ħaġa?