Home Se nkomplu niddefendu s-sistema tat-taxxa f’Malta

    Se nkomplu niddefendu s-sistema tat-taxxa f’Malta

    3 minuti qari

    Is-sistema tat-taxxa tagħna hija essenzjali għall-attività ekonomika li niġġeneraw f’pajjiżna. Eluf ta’ impjiegi jistrieħu fuq din is-sistema – fosthom impjiegi fis-setturi tal-gaming u fis-settur finanzjarju. Imma sfortunatament, il-vantaġġi li toffri s-sistema tat-taxxa tagħna kemm-il darba tpoġġiet taħt il-lenti, speċjalment fl-aħħar xhur.

    Il-vot li ttieħed fil-Parlament Ewropew fuq rapport ippreparat mill-Kumitat dwar il-Kriminalità Finanzjarja u l-Evażjoni tat-Taxxa juri biċ-ċar li qed tikber il-pressjoni fuq pajjiżi li għandhom sistemi ta’ taxxa kompetittivi. F’numru ta’ okkażjonijiet, ir-rapport individwalizza s-sistemi ta’ taxxa tal-Olanda, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Ċipru u Malta.

    Il-politika tat-taxxa hija biss għodda waħda biex tikkumpensa għall-iżvantaġġi permanenti li pajjiżna jsofri minħabba l-insularità tiegħu, u allura hija għodda biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv meta kkumparat ma’ pajjiżi ġganti oħra. Filfatt, matul in-negozjati ta’ Malta biex daħlet fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista kien stinka biex kwistjonijiet ta’ taxxa jibqgħu fil-kompetenza nazzjonali. Jiena nemmen li deċiżjonijiet dwar sistemi ta’ taxxa f’pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jibqgħu jiġu deċiżi mill-gvernijiet tal-pajjiżi rispettivi. Fil-Parlament Ewropew, beħsiebni nibqa’ niddefendi din il-pożizzjoni favur Malta – pożizzjoni li konsistentament ħaddant. Bħala Chairperson tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin fil-Parlament Malti, jiena kont ħdimt fuq rapport li kien sar biex pajjiżna jkollu vuċi kontra dawn il-policies ta’ indħil fis-sistema tat-taxxa. Fil-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali fi ħdan il-Parlament Ewropew, ressaqt numru ta’ emendi għal abbozzi ta’ liġijiet imressqa mill-Kummissjoni Ewropea sabiex nassigura li l-liġijiet ġodda ma jindaħlux fil-mod ta’ kif inħaddmu s-sistema ta’ taxxa tagħna, u biex fuq kollox nassigura li pajjiżna jibqa’ jkun kompetittiv. Fil-voti kollha li vvutajt fil-Parlament Ewropew, dejjem ivvutajt kontra attentati biex pajjiżna jiġi ddikjarat ‘tax haven’ – u dejjem qomt u vvutajt biex niddefendi s-sovranità ta’ pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam kontroll f’affarijiet relatati mas-sistema tat-taxxa.

    Dan huwa eżempju wieħed biss ta’ kif ħdimt biex iddefendejt l-interessi ta’ Malta u tal-poplu Malti fil-Parlament Ewropew. L-interess tiegħi kien, għadu u jibqa’ li nissalvagwardja l-eluf ta’ impjiegi Maltin fis-settur tal-gaming u dak finanzjarju, kif ukoll l-impjiegi ta’ dawk li jiddependu direttament jew indirettament minn dawn is-setturi – bħall-oqsma tal-akkomodazzjoni u d-divertiment. 

    Filwaqt li jiena lesti li nkompli nħares l-interessi tan-nies f’dawn l-oqsma, hu importanti ħafna li anke l-Gvern jagħmel il-parti tiegħi. Id-dewmien mill-Gvern biex jimplimenta d-direttiva Ewropea ta’ kontra l-ħasil tal-flus. Agħar minn hekk, in-nuqqas tal-Gvern li jkeċċi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri minkejja dak li ġie żvelat fl-iskandlu tal-Panama Papers u 17 Black se jkompli jpoġġi lil Malta taħt il-lenti għar-raġunijiet il-ħżiena. Kieku l-Prim Ministru keċċa lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, Malta ma kinitx tibqa’ skrutinju għal dawn ix-xhur kollha. Jeħtieġ li l-Gvern ipoġġi l-interessi ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox – u mhux tal-klikka u ċ-ċrieki ta’ ġewwa nett. Bl-aġir tiegħu, il-Gvern qed ikisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u qed ipoġġi f’riskju l-eluf ta’ impjiegi fis-setturi kruċjali bħall-gaming u s-settur finanzjarju. Fi kliem ieħor, jeħtieġ li l-Gvern jieqaf jilgħab il-logħba politika u jibda jagħżel lil Malta flok il-kilba u l-korruzzjoni. Jien, min-naħa tiegħi, se nkompli niddefendi lil Malta.