Home Agħżel li trid … l-aqwa li tagħżel bħali

    Agħżel li trid … l-aqwa li tagħżel bħali

    3 minuti qari
    Credit: Glen Carrie fuq Unsplash

    Għid il-verità. Qatt kien hemm xi film, jew serje tv, jew ktieb, li kulħadd – imma veru kulħadd – ifaħħar m’għola s-sema u jgħid kemm hu tal-ġenn; imma li lilek ma jogħġbokx?

    Lili tiġrili, kemm-il darba. U nispiċċa f’salt argumenti minħabba f’hekk. Ftit snin ilu meta ħareġ il-film La Grande Bellezza, li kulħadd kien qed jinħanaq jeloġja – u li, biex ngħidu kollox, imbagħad rebaħ Oscar bħala l-Aqwa Film f’Lingwa li Mhix l-Ingliż – fettilli nitfa’ kumment fuq Facebook li ma kienx għoġobni partikolarment, għad li ammirajt l-arti warajh. U, kif jgħidu t-Taljani, apriti cielo! Kemm kummenti, tweġibiet u storbju fuq Facebook, sa insulti tramite messaġġi privati. Imma kif jista’ jkun m’għoġbokx? Lil KULĦADD għoġob! Ma JISTAX IKUN li ma jogħġbokx! Ma TISTAX ma jogħġbokx!

    Credit: Ledbury books

    U l-ġimgħa l-ohra ġratli xi ħaġa simili bir-rumanz Melmoth ta’ Sarah Perry. Perry hija awtriċi relattivament żagħżugħa li saret famuża ħafna tliet snin ilu bir-rumanz The Essex SerpentSerpent kien rumanz bellezza, fejn kull sentenza togħxa biha qisha tazza nbid tajjeb. Storja Vittorjana dwar serpent mitiku, li ħadd mhu ċert jeżistix veru jew le. Kunflitt bejn ir-reliġjon, is-superstizzjoni, il-mediċina u x-xjenza.

    Allura meta Perry ħarġet ir-rumanz il-ġdid tagħha, Melmoth, mort niġri nixtrih. Stennejt sa ma akkwistajt kopja ffirmata tiegħu, u qegħidtu fil-ġenb biex naqrah bil-kwiet bħala “treat” speċjali.

    Ftit ilu bdejtu – bħal ta’ qablu, kitba l-ġmiel tagħha. Togħxa bis-sentenzi li taf tinseġ Perry, u bl-atmosfera gotika u ta’ misteru u biża’ li ħolqot. Imma xi ħaġa ħallietni biered għal dar-rumanz. Ippruvajt fuq li ppruvajt. U domt inkaxkar bih għomor. Verament spiċċajtu għax ġietni r-reqqa li “naħlieh”. Imma entużjażmu ta’ xejn.

    U fil-pront bdejt inħossni li għamilt xi ħaġa ħażina. Li kien hemm xi kobor li ma kontx kapaċi nasal għalih, xi profondità li kontx qed nifhem jew napprezza.

    Credit: Glen Carrie fuq Unsplash

    L-artiklu “Like This or Die” (Harper’s Magazine), jgħid li qed ngħixu f’era fejn il-gosti tagħna huma kkundizzjonati u kważi “pprogrammati” minn algoritma. Algoritma ħierġa mill-midja soċjali li jgħaddulna biss dak li huma jikkonkludu li aħna nixtiequ naraw u naqraw. U, għax niċċirkondaw lilna nfusna bi ħbieb li jaħsbuha bħalna u li allura l-algoritma ttihom l-istess “suġġerimenti”, nimmaġinaw li KULĦADD qed jara u jaqra u togħġbu l-istess ħaġa. Bl-Ingliż jgħidulu l-echo chamber, għax madwarna nibdew nisimgħu biss l-eku tal-istess ideat tagħna.

    Fi kliem l-artiklu:

    “[Human beings’ social media] feeds give them permission to like what they already like … [Their] feeds assure them that they aren’t lonely … Their feeds let them know that their culture is winning.”

    U allura, li sempliċiment tħalli l-gosti personali tiegħek jiggwidawk u – skandlu! – forsi ġielima taqbilx ma’ dak li qed jaħseb kulħadd madwarek, isir qisu xi att kbir ta’ ribelljoni. Dik, donnha, hi l-libertà tal-ħsieb fl-era tal-midja soċjali.