Home Il-ġenerazzjoni tal-plastik u tar-rimi

    Il-ġenerazzjoni tal-plastik u tar-rimi

    3 minuti qari

    Il-gżejjer tagħna huma mdawra bil-baħar, riżorsa importanti għall-ekonomija tagħna. Il-baħar ifisser l-għajxien ta’ bosta nies f’pajjiżna bħal dawk li huma sajjieda u oħrajn li jaħdmu fil-qasam tat-turiżmu fosthom id-diving. Il-baħar hu wkoll sors importanti tal-ikel li nikkunsmaw. Il-baħar hu wkoll parti integrali tal-istil ta’ ħajja tagħna. Għaldaqstant huwa importanti li l-baħar ikun nadif u li nħarsu l-biodiversita tiegħu. Problema kbira li tħalli dannu fuq dan kollu hu l-plastik li l-ammont tiegħu fil-baħar qiegħed dejjem jiżdied.

    Hu stmat li kull sena 150,000 tunellata ta’ plastik jispiċċa fil-baħar. Dan jammonta għal 80% tal-iskart kollu li jispiċċa fil-baħar. Fost dan hemm ammont qawwi ta’ plastik li jintuża darba biss. Hu stmat li jekk ma nagħmlu xejn, sal 2050 jkun hemm aktar plastik milli ħut fil-baħar. Lkoll għandna bżonn nagħmlu l-parti tagħna u nżidu l-ġlieda kontra l-plastik li jintuża darba biss. Dan jeħtieġ bidla fil-kultura biex tiżgura li din ir-riżorsa tgawdi minn ġenerazzjonijiet futuri. Gżejjer żgħar oħra fil-Mediterran ma baqghux jew qegħdin fil-proċess li ma jibqghux jużaw plastik li jintuża darba biss. Qed nitkellmu fuq gżejjer li huma ftit kilometri ‘il boghod mill-ixtut tagħna bħal Pantelleria u Lampedusa. Nemmen li pajjiżna jista’ wkoll jagħmel qabża f’dan il-qasam.

    Irrid infakkar kif il-gvern Malti mhux talli nieda l-iskema għall-frott u l-ħxejjex ffinanzjata mill-UE tard iżda s’issa qed jitqassam frott u ħaxix f’kontenituri tal-plastik li jintużaw darba biss. Bħala gżira Malta hi obbligata li tagħmel aktar, dan speċjalment meta fejn jidħol immaniġjar tal-iskart, pajjiżna jinsab ma tal-aħħar fl-Ewropa.

    Fl-aħħar xhur rajna bosta filmati online ta’ fkieren maqbuda fix-xbieki u fil-biċċiet tal-plastik. Din hi raġuni oħra għaliex irridu nkunu ambizzjużi fil-ġlieda kontra l-użu tal-plastik li jintuża darba. Il-biodiversita hi wkoll importanti ghat-turiżmu tagħna hekk kif bosta jżuru pajjiżna biex jammiraw l-ibħra tagħna inkluż il-bugħaddasa. Hu għalhekk li fil-Parlament Ewropew ivvotajt favur miżuri sabiex l-użu tal-plastik li jintuża darba biss jonqos. Nemmen li l-miżuri proposti huma pass importanti biex inħarsu saħħitna, l-biodiversita u l-impjiegi tagħna.