Home Ninvestu fit-teknoloġija b’risq l-għomja u d-dyslexics

    Ninvestu fit-teknoloġija b’risq l-għomja u d-dyslexics

    3 minuti qari

    Is-soċjetà Maltija hija fost l-aktar diġitali u bosta jużaw mobile u tablets għal skopijiet varji inkluż biex jikkomunikaw ma tal-familja jew ma sħabhom jew biex ifittxu informazzjoni online. Jeżistu applikazzjonijiet fejn wieħed jista’ jitkellem u l-Mobile jew it-tablet jifhem dak li jkun x’qed jitlob u b’hekk joffri l-informazzjoni neċessarja. Dawn l-hekk imsejħa teknoloġiji tal-lingwi jeżistu imma mhux bil-lingwa Maltija.

    Dan huwa ħasra għaliex it-teknoloġiji tal-lingwi huma importanti biex jiffaċilitaw il-ħajja ta’ kuljum, biex jagħmlu l-komunikazzjoni aktar faċli għall-għomja, dawk li għandhom problemi bil-viżta kif ukoll dawk bid-dyslexia, u biex ikun assigurat li l-lingwa Malta ma tiffaċċjax estinzjoni diġitali. Kien għalhekk li jien wara konsultazzjoni ma’ stakeholders f’Malta mort fil-Parlament Ewropew hu insistejt għall-fondi għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-oqsma tat-teknoloġiji tal-lingwi u biex istituzzjonijiet akkademiċi jkunu provduti b’faċilitajiet li joħolqu pjattaformi teknoloġiċi tal-lingwi.

    Fl-aħħar jiem iltqajt ma’ akkademiċi u riċerkaturi mill-Università ta’ Malta li qed jaħdmu fuq applikazzjoni diġitali biex il-lingwa Maltija tkun rikonoxxuta awtomatikament meta wieħed jitkellem fid-direzzjoni tal-mobile jew tablet. Il-Proġett MASRI (Rikonoxximent Awtomatiku tad-Diskorsi Maltin) jgħaqqad flimkien sforzi mill-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwi, l-Istitut tax-Xjenzi tal-Ispazju u l-Astronomija, u d-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali.

    It-tim ta’ riċerka spjega kif qed jagħmel użu minn diversi diskorsi tiegħi fil-Parlament Ewropew biex jiżviluppaw applikazzjoni li tkun kapaċi tirrikonoxxi l-lingwa Maltija. Hawn irrid infakkar kif Gvern Nazzjonalista kien ħadem biex il-lingwa Maltija tkun lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawn iċ-ċirkostanzi jkomplu jikkonfermaw kemm hu kruċjali li ttieħdet din id-deċiżjoni.

    Stati Membri li huma żgħar fid-daqs u għandhom il-lingwa tagħhom, għandhom bżonn li jpoġġu t-teknoloġija tal-lingwa bħala prijorità, biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi lingwistiċi. Jekk mhux se nagħtu prijorità lit-teknoloġija tal-lingwi, il-lingwa Maltija se tiffaċċja estinzjoni diġitali minħabba n-nuqqas ta’ appoġġ teknoloġiku. Hemm bżonn li l-lingwa Maltija tissaħħaħ fil-pjattaformi diġitali u applikazzjonijiet, fid-dawl ta’ qasma diġitali bejn lingwi li jintużaw spiss u dawk li jintużaw anqas. Irridu politika li ssaħħaħ l-iżvilupp tat-teknoloġija għall-lingwa Maltija, għaliex il-preservazzjoni tal-lingwa hi kruċjali biex tibqa’ ħajja f’dinja moderna diġitali, kif ukoll biex nissalvagwardjaw l-identità nazzjonali.