Home Iva ħalluni naqra fil-kwiet

    Iva ħalluni naqra fil-kwiet

    3 minuti qari

    Bħalissa nqbadt b’sensiela ta’ kotba li nibda u ma nispiċċax. Inħossni taċ-ċajt li se nitlaqhom hemm, imma qalbi ma tkunx fihom u nibqa’ nkarkar bihom għomor.

    Naħseb dik – ngħid għalija – l-aktar differenza bejn ktieb jogħġobni u ieħor le. Li meta nkun qed naqra ktieb intriganti, kull sekonda ċans naqbdu biex naqra mqar żewġ/tliet paġni oħra. Inġorru miegħi biex jekk ikolli ftit minuti bejn appuntament u ieħor, jew jekk ninqabad nistenna lil xi ħadd li jasal tard, nara kif se tkompli l-istorja. Flgħaxija, bejn episodju ieħor fuq Netflix jew kapitlu ieħor mill-ktieb, nagħżel il-kapitlu.

    Imma meta ktieb nibda nħossu jiskossja, nitilqu iżjed faċilment. “Ninsa” nieħdu miegħi meta noħroġ mid-dar, nagħżel li nara xi ħaġa fuq it-tv flok inkomplih – “U ija llum m’għandix wisq aptit, imbagħad inkompli naqrah darb’oħra.”

    Allura għaliex nibqgħu naqrawhom? Ħabib tiegħi juża l-abbrevjazzjoni “DNF” (did not finish) għall-kotba li jitlaq nofs triq. Ħabiba oħra kienet tgħidli li “Life is too short to read boring books”.

    Ovvjament, fl-2019 anki l-qari sar – għal xi wħud – kompetizzjoni. Il-ġenn tal-midja soċjali li ħakimna u li jġiegħlna nitfgħu ritratti ta’ x’nieklu, fejn immorru mat-tfal u l-familja, x’nilbsu, fuq Instagram – kulħadd jikkompeti ma’ sħabu min qed jiekol l-aqwa ikel, fl-aqwa ristoranti, liebes l-isbaħ ħwejjeġ – iwassalna spiss biex nagħmlu “Reading Challenges”. Sit popolari ħafna fost min iħobb jaqra huwa Goodreads, speċi ta’ Facebook jew Instagram għall-kotba fejn toqgħod turi lil kulħadd kemm qrajt kotba.

    U dil-kilba biex intellgħu “l-iscore” u nilħqu n-numru ta’ kotba li se naqraw f’sena skont l-isfida, iġġiegħlna kultant nibqgħu naqraw ktieb li mhux jogħġobna daqstant … għax inkella kif se nniżżluh mal-kotba moqrija?!

    Il-qari, li hu wieħed mill-ftit żvagi li ma jagħmlux ħażin għas-saħħa, anzi jagħmlulna l-ġid u ma jqumux (wisq) flus, jispiċċa flok xi ħaġa rilassanti, għall-gost, isir sors ta’ stress u kompetizzjoni.

    “Il-qari qed isir soċjali” jgħidulna fir-reklamar tagħhom siti bħall-Goodreads, u anki l-Amazon u oħrajn li fil-kotba elettroniċi u l-Kindles tagħhom żiedu l-faċilità li tista’ tara fuq il-paġna – apparti l-istorja – is-siltiet l-aktar highlighted minn qarrejja oħra. Estensjoni tal-kultura tal-“Likes” ta’ Facebook, did-darba għal ġol-ktieb. Esperjenza intima u personali bħalma hu l-qari, issir waħda “soċjali” bil-paġna mimlija highlights ta’ ħaddieħor.

    Lanqas taqra ktieb fis-santa paċi ma tista’, fl-2019.