Home Vlogg: L-elementi tal-qerda jsiru l-elementi tas-salvazzjoni

    Vlogg: L-elementi tal-qerda jsiru l-elementi tas-salvazzjoni

    2 minuti qari

    Fit-Tnejn tal-Ġimgħa Mqaddsa 2019 rajna immaġini li werwruna: il-Katidral ta’ Pariġi, Notre Dame de Paris, safa vittma ta’ ħruq enormi, terribbli, terrifikanti. Imbagħad in-nar kellu jiġi mitfi bl-ilma. Dawn iż-żewġ elementi, in-nar u l-ilma, u fl-istess ħin ir-riħ qawwi, ikkontribwew għall-qerda kważi totali ta’ din il-knisja li għandha 850 sena.

    Fil-lejl qaddis tal-Għid il-Knisja tbierek in-nar u l-ilma. L-isqof jonfoħ bin-nifs tiegħu fuq l-imgħammdin ġodda. Fil-lejl qaddis tal-Għid dawn l-elementi ta’ qerda jsiru elementi ta’ salvazzjoni, ta’ tisfija. Aħna u nitolbu biex il-Katidral ta’ Pariġi jerġa’ jinbena anke bil-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minna u bil-għajnuna u s-sapport u t-talb ta’ kull Nisrani li jgħożż il-patrimonju kulturali tal-Ewropa, nitolbu biex fil-qalb tagħna jerġa’ jinbena t-tempju qaddis tal-Ispirtu s-Santu. Fit-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija, aħna nilqgħu t-tisfija bin-nar u l-ilma u n-nifs tal-Mulej biex nerġgħu ninbnew bħala komunità fit-tempju ħaj ta’ Alla.

    Is-sinjal tal-ġebel, tal-ħadid, tal-ħġieġ li nqered quddiem għajnejna, ifakkarna li aħna nżommu wieqfa bis-saħħa tal-Mulej u l-ħniena tiegħu, li aħna l-ġebel ħaj tal-Knisja. Jista’ jinqered it-tempju tal-ġebel imma l-Knisja mibnija fuq il-blata samma tal-Knisja li stqarr Pietru, tibqa’ ħajja: il-fidi li dak li ssallab fil-Ġimgħa l-Kbira, Ġesù ta’ Nazaret, qam rebbieħ f’Sibt il-Għid.

    Nilqgħu fostna l-adulti li se jilqgħu lil Ġesù f’ħajjithom bil-Magħmudija, bil-Konfermazzjoni u bil-misteru qaddis tal-Ewkaristija li se jirċievu għall-ewwel darba. Aħna u nersqu lejn il-qrar u lejn is-sagramenti, ejjew nitolbu biex niġġeddu fl-Ispirtu Nisrani.

    Mill-qalb nawgura lil kulħadd l-Għid it-tajjeb, Għid qaddis mimli bil-paċi tal-Mulej.