Home F’anqas minn sentejn riżultati b’risq pajjiżna

    F’anqas minn sentejn riżultati b’risq pajjiżna

    2 minuti qari

    Minkejja li t-terminu tiegħi fil-Parlament Ewropew s’issa kien ta’ anqas minn sentejn b’umiltà ngħid li f’anqas minn sentejn ħdimt u ksibt riżultati b’risq pajjiżna. Fadalli wkoll aktar x’inwettaq jekk il-poplu Malti jaghtini mandat ieħor. Fost l-ħidma prinċipali li wettaqt s’issa wieħed jistà jsemmi l-inizjattiva sabiex liġi ġdida tal-kumpaniji ma tħallix impatt fuq il-vantaġġi ta’ taxxa li minnhom igawdi pajjiżna u li kien innegozja Gvern Nazzjonalista qabel sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-vantaġġi huma kruċjali sabiex noħolqu tkabbir ekonomiku. Ħdimt id f’id mal-Ambaxxata Maltija fi Brussell u mal-Malta Enterprise biex nissalvagwardja s-settur tal-farmaċewtika minn riformi li setghu kellhom konsegwenzi ferm ħżiena fuq is-settur li joffri bosta impiegi tajbin lil bosta Maltin u Ghawdxin. Dejjem ivvutajt u ħdimt fil-grupp politiku tiegħi, il-Grupp PPE sabiex Malta ma tkunx ikkunsidrata bħala tax heaven.

    Dan apparti hafna ħidma oħra favur il-Maltin u l-Għawdxin fejn tidħol il-ġlieda kontra l-kanċer, aktar servizzi għad-dijabetiċi u Charter Ewropew għad-Dyslexics biex iqajjem kuxejnza dwar il-bżonn ta’ standard Ewropew. Il-Partit Laburista qed jirkeb fuq retorika li l-PN mar jagħmel il-ħsara fl-Ewropa. Dan hu qerq mhux biss fil-kuntest tal-ħidma li semmejt hawn fuq u li l-Labour ma jaqbillux li jsemmi iżda anke għaliex il-Labour jaf li l-kritika lejn il-governanza ħazina tiegħu ma hi xejn ħlief konsegwenza ta’ twebbis ir-ras u r-rebgha li ħakmet lill-gvern.

    Il-Partit Laburista ma jistax iwaħħal f’hadd ħlief fih innifsu li l-GRECO, l-Kummissjoni Venezja, l-Kummissjoni Ewropea, l-MoneyVal, Transparency International, l-Ombudsman u Reporters Without Borders kollha ikkritikawh fuq oqsma bħas-saltna tad-dritt, il-ħasil tal-flus u l-libertà tal-media. Il-Gvern u l-Partit Laburista jistghu jispinnjaw kemm iridu iżda din hi l-verita. B’wiċċi minn quddiem nitkellem favur ir-riżultati li ksibt għal pajjiżna u nappella lil-Gvern biex bil-fatti jimplimenta r-rakomandazzjonijiet li qed jgħidulu dawn l-entitajiet indipendenti fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin.

    Francis Zammit Dimech huwa MEP Nazzjonalista