Home Il-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna... u l-bżar fl-għajnejn

    Il-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna… u l-bżar fl-għajnejn

    4 minuti qari

    Il-Matematika hu suġġett li mhux kulħadd jogħġbu iżda n-numri matematiċi ma jista jmerihom ħadd. 

    Id-dejn ta’ Malta hu ta’ €6.8 biljun u minn sena għal sena dan mhux qed jonqos, anzi, qed jiżdied. Dan ifisser li ta’ kull sena aħna lkoll qed inħallsu €310 miljun interessi fuq id-dejn. Jiġifieri għal kull ras id-dejn hu ta’ madwar €16,000 u għal kull sekonda, il-poplu Malti qed iħallas €10 mit-taxxi li jinġabru.

    Il-Prim Ministru qed jiftaħar bis-surplus ta’ €250 miljun li Malta għandha. Donnu li jrid iserilna rasna li kollox miexi fuq ir-rubini. 

    Mela ħa niftiehmu ahjar u dak li hu mertu tal-gvern nagħtuhulu wkoll. Sal-2015 kull baġit irreġistra defiċit, jiġifieri n-nefqa kapitali kienet ferm ikbar milli kien mistenni. Wara l-2016 il-gvern beda jirreġistra surplus, jiġifieri beda jdaħħal aktar minn nefqa kapitali. Hekk baqa’ sejjer f’kull sena. Dan hu tajjeb u jirreġistra progress u bis-saħħa t’hekk tlajna skaluna. Imma hu tajjeb daqskemm qed jingħad? Fil-fehma tiegħi, qed nonfħu s-suċċess daqslikieku waqet il-manna mis-sema, għax ir-realtà u r-raġuni jixhdu mod ieħor. Jidher ċar li l-gvern ħa vantaġġ mill-mewġa tal-qagħda ekonomika Ewropea, żied magħha d-dħul mill-bejgħ tal-passaporti u għalhekk ħoloq bilanċ favorevoli, minkejja li l-kredibiltà ta’ pajjiżna marret il-baħar fis-swieq finanzjarji.

    Hemm fatt li jinkwetani. In-nefqa rikurrenti ta’ pajjiżna (12.7%) żdiedet sew meta mqabbla ma’ dħul rikurrenti (6.3%). Dan iqanqal tħassib ghax ifisser li t-tmexxija mhix waħda għaqlija. Il-gvern sfrutta din is-sitwazzjoni favur id-direzzjoni ta’ politika partiġġjana u mhux favur l-interess nazzjonali billi impjega ħafna ħaddiema fis-settur pubbliku, meta hemm nuqqas kbir fis-settur privat, tant li dan is-settur spiċċa jimporta. Biex nagħqdu l-għoqda, il-qasam tal-kostruzzjoni ntefa’ fuq il-fifth gear bil-bini t’appartamenti u uffiċini iktar milli tiflaħ id-domanda. Dan irawwem good feel factor, l-hekk imsejjah l-aqwa żmien, li hu tal-mument. Għandna ekonomija li qed tħares lejn il-volum u mhux lejn il-valuri. Għalhekk għandna gvern li mhux qed iħares lejn l-ekonomija b’mod sostenibbli u lanqas biss warrab biżżejjed assi finanzjarji biex jagħmel tajjeb ghal meta l-affarijiet ma jkunux miexja ħarir. Nibża’ li se jiġi żmien fil-qrib li se jkollna nissikkaw ic-ċintorin jekk ma noqogħdux ferm attenti u nilqgħu minn qabel. Nittama li ma naslux f’dak il-punt.

    Hemm ħaġa ohra li tħassibni. Id-dejn ta’ pajjiżna. Il-logħba hi hawn. Din tikkalkula dak li jissejjaħ b’mod tekniku debt to GDP ratio. Dan hu terminu li jagħmel paragun bejn id-dħul nazzjonali (il-Prodott Gross Nazzjonali) u d-dejn li pajjiżna għandu. Huwa fatt li d-dħul ta’ Malta għaddej minn mument tajjeb.  Għalhekk, il-paragun juri stampa ta’ ċifra tal-mument. Filfatt id-dejn hemm baqa’, anzi, żdied.

    Ħalli nfehemkom b’eżempju. Familja taqla tant fix-xahar. Minn dan id-dħul, minbarra flus għall-ħajja, hi trid tħallas l-imax u parti mis-somma tad-dejn li hi għandha mal-bank. Hi kienet iddejnet fuq id-dar li xtrat. Xi darba trid tħallas id-dejn lura wkoll. Malta għandha ħjiel li xi darba se tibda tifdi d-dejn nazzjonali?

    Gvern bi tmexxija għaqlija jkun dak li hu kapaċi:

    – jelimina l-korruzzjoni. Hu kkalkulat li pajjiżna jonfoq aktar minn €750 miljun kull sena u dawn qed imorru fil-bwiet tal-klikka.

     jieqaf ibigħ l-assi tal-poplu Malti u Għawdxi, b’mod partikolari art pubblika lill-ħbieb tal-ħbieb.

     jieqaf jidfen il-kapital naturali ta’ pajjiżna għax dan għandu prezz ukoll.

     juża l-aqwa riżors li għandu l-poplu, jiġifieri l-ħiliet tiegħu billi jħaddan il-meritokrazija, għax hu dan li jkabbar il-kontabilità.

     jgħid dak li hu, u juri stampa ċara ta’ dak li hu mistenni li jiġri fl-ekonomija fil-ġejjieni qrib u fit-tul.

    Wasal iż-żmien li l-poplu jserraħ rasu. L’hemm mill-kliem fieragħ, hemm ħtieġa li nsaħħu l-ekonomija b’mod li tkun sostenibbli. Wasal iż-żmien li dan it-tħassib niffaċċjawh u mhux naħarbuh.

    Dr Godfrey Farrugia huwa l-Kap tal-Partit Demokratiku