Home Oppożizzjoni li waqgħet għar-redikolu

    Oppożizzjoni li waqgħet għar-redikolu

    3 minuti qari

    Jien Laburist li dejjem emmint li għandek tirrispetta lill-avversarji politiċi tiegħek u, iva, hekk għandu jkun f’demokrazija. Biss, min-naħa l-oħra tistenna li l-Oppożizzjoni f’pajjiżna żżomm ċertu livell ta’ kredibbiltà, jiġifieri li tkun ta’ kalibru politiku għoli.

    Sfortunatament, kemm ilha li bdiet il-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali qed naraw li dan altru li mhuwiex il-każ. Negattività l-ħin kollu, żbalji ta’ prinċipjanti fil-politika u ħafna paroli bla sens saru karatteristika tal-Oppożizzjoni f’pajjiżna.

    Kif tistenna li n-nies jagħtuk il-fiduċja f’dawn l-elezzjonijiet meta l-Partit Nazzjonalista joħroġ billboard bi żball tal-Malti? Mela dawn lanqas proofreaders ma jużaw qabel joħorġu xi ħaġa fil-pubbliku?

    Kif tistenna li n-nies jagħtuk il-fiduċja f’dawn l-elezzjonijiet meta l-Membru Parlamentari Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, jgħid pubblikament li l-Partit Laburista għandu problema biex joħroġ in-nies tiegħu jivvotaw fin-naħa t’isfel ta’ Malta! – Imma dan bis-serjetà qed jitkellem jew irid jiċċajta? – Nistiednu jinżel saż-Żejtun jew imur sal-Kottonera ħalli jinduna kemm dak li qed jgħid huwa totalment bla bażi u frott l-immaġinazzjoni tiegħu.

    U jekk tixtarr x’qed jgħid il-Partit Nazzjonalista, tispiċċa tistaqsi: “x’hemm ġdid?” – U r-risposta tkun: “assolutament xejn!” – Dejjem l-istess kantaliena ta’ kemm għandna Gvern Laburista korrott u kemm il-Partit Nazzjonalista se jagħmel kollox tajjeb. Donnhom tal-Partit Nazzjonalista qed jinsew li dawn l-elezzjonijiet huma għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali u mhux għal min ikun fil-gvern!

    Imbagħad xi ngħidu għall-Partit Demokratiku? – Meta ssottomettew il-lista tal-kandidati ħallew barra lill-Viċi-Kap tagħhom, Timothy Alden, mil-lista tal-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Hekk Alden se jkollu jikkontesta bħala Kandidat Indipendenti. U dawn nies li qed jippretendu li l-Maltin jagħtuhom il-vot fl-elezzjonijiet li ġejjin! – Ara votant serju hux se jafda lil min lanqas biss jiċċekkja l-lista tal-kandidati tal-partit qabel jippreżentaha!

    Min-naħa l-oħra għandek lill-Partit Laburista bi pjan serju għal dawn l-elezzjonijiet. Pjan ibbażat fuq ir-realtà ta’ Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea u li jibni fuq il-kisbiet li għamilna fi ħdan din l-istituzzjoni fis-snin li għaddew. Pjan ukoll li jaħseb għall-bżonnijiet partikolari ta’ kull lokalità u kif il-Kunsilli Lokali jistgħu jindirizzawhom bil-ħidma tagħhom.

    Din hi d-differenza bejn min hu professjonali fil-politika u min hu biss dilettant.