Home Vlogg: "Għandna ngħixu skont il-valuri ta' San Publiju"

    Vlogg: “Għandna ngħixu skont il-valuri ta’ San Publiju”

    2 minuti qari

    Kif inhi tradizzjoni, ħmistax fuq l-Għid, il-parroċċa tal-Furjana tiċċelebra l-festa titulari ta’ San Publiju. Nixtieq nieħu l-okkażjoni ta’ dan il-messaġġ biex nawgura lill-parroċċa tal-Furjana u lid-dovoti kollha ta’ San Publliju festa sabiħa. Ma nistgħux ninsew il-fatt li sewdilna ħafna qalbna: il-ħruq tal-ark trijonfali li tradizzjonalment l-istatwa ta’ San Publiju tgħaddi minn taħtu fost il-ferħ tal-poplu Furjaniż u tad-dovuti kollha ta’ dan il-prinċep tal-gżira tagħna.

    Aħna ma nafux min għamel dan l-att kodard, ta’ vjolenza u ta’ distruzzjoni tal-patrimonju tagħna. Nesprimu n-niket tagħna, is-solidarjetà tagħna mal-poplu Furjaniż u fuq kollox id-determinazzjoni li meta l-patrimonju tagħna jinqred, nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nerġgħu nibnuh. Dak li ntilef ma jistax jiġi lura imma nistgħu nagħmlu ħilitna biex dak li jfisser għalina la ninsewh imma ngħixu skont il-valuri li jesprimi.

    X’irrid ngħid? L-ark trijonfali kien arkitettura straordinarja fl-injam. Kien xogħol ta’ ħila straordinarja. Nixtieq insellem lil tant mastrudaxxi, skulturi fl-injam u lil tant inġiniera li ħadmu f’dak il-kapulavur ta’ arti u ta’ armar tal-festa uniku u verament straordinarju. Illum nafu li spiċċa kollu rmied. Kultant hekk qed nagħmlu lil ħafna mill-patrimonju ta’ pajjiżna; qegħdin neqirduh għax irridu aħna. Ta’ min niefqu u nistaqsu: hekk irridu nkompu nagħmlu?

    Aħna nixtiequ li l-ark trijonfali għal San Publiju jinbena, imma jinbena mhux biss fiżikament. L-appell tiegħi hu li aħna nħarsu lejn San Publiju u nitgħallmu minnu l-valuri li tant nammiraw fih: dik li nilqgħu lill-barranin, li nirrispettaw lill-ġenituri tagħna, li nħobbu s-saħħa spiritwali u fiżika ta’ kull min hu membru tal-komunità tagħna mingħajr ma nagħlqu qalbna għal ħadd.

    Dan huma valuri li aħna nammiraw f’San Publiju; qaddis li għamlilna ġieħ u msemmi fl-Iskrittura Mqaddsa għall-ħlewwa, il-ħniena u t-tjubija tiegħu. Nawgura li waqt li nerġgħu nippruvaw nibnu l-ark trijonfali għal San Publiju, fil-qalb tagħna nkomplu nibnu fuq il-valuri li għallimna.