Home ‘Lil min tafu, ssaqsix għalih’

    ‘Lil min tafu, ssaqsix għalih’

    2 minuti qari

    Żgur li kulħadd jaf xi tfisser il-frażi li għażilt għat-titlu ta’ dan il-blog. Hemm frażi oħra li aħna l-Maltin inħobbu nużaw u għandha, bejn wieħed u ieħor l-istess tifsira: min jitwieled tond, ma jmutx kwadru. U hemm oħra: il-ħanżir, taqtalu denbu, ħanżir jibqa’. Xi rrid infisser b’dawn l-idjomi Maltin?

    Il-Partit Laburista ma jinbidel qatt, u din mhix opinjoni tiegħi, imma nista’ nuriha bil-provi. Il-ġimgħa li għaddiet, bdiet b’mod uffiċjali l-kampanja elettorali biex kull Maltija u Malti t/jaghzel sitt persuni li t/jemmen li jistgħu jirrapreżentawa/h l-aħjar fil-Parlament Ewropew. U x’rajna mill-Partit Laburista? Xejn dwar il-kandidati tiegħu. Imma reklami fuq reklami, anke fuq l-istazzjon nazzjonali, ta’ mibegħda kontrija. Mingħalihom se jdejquni, jew se jwaqqfuni. Kemm sejrin żball jaħasra.

    Kull min ra r-reklami, seta’ jinduna kemm saru mhux bi strateġija, imma b’mibegħda. Biċċiet ta’ diskorsi li jekk tgħaqqadhom flimkien, ma jagħmlux sens. Imma jaħsbu li jridu jkunu sensazzjonali biex ibeżżgħuni. Jien ma bżajtx meta l-avukati ta’ Keith Schembri bagħtuli ittri ta’ theddid. Jien ma bżajtx meta bdew jigdbu u jivvintaw affarijiet dwari li lanqas fl-akbar hrejjef ma ssibhom. Jien ma bżajtx meta heddewni li jitfgħuni l-ħabs għax ħriġt dettalji dwar kif saru t-tranżazzjonijiet ta’ Konrad Mizzi. Jien ma bżajtx f’dan kollu, se nibża’ minn reklami manipulati? Ma tarax. Lil min tafu ssaqsix għalih.

    Għalhekk, il-frażi tat-titlu ta’ dan il-blog, ma tgħoddx biss għall-Partit Laburista, imma tgħodd ukoll għalija. Lili tafuni, u tafu kif dejjem sarraft il-fiduċja li tajtuni. Dik tal-25 ta’ Mejju, nerġa’ nsarrafha b’aktar determinazzjoni minn qatt qabel.