Home "Se nkompli niddefendi l-impjiegi tal-Maltin"

    “Se nkompli niddefendi l-impjiegi tal-Maltin”

    2 minuti qari

    Din il-ġimgħa pparteċipajt f’dibattitu fuq TVM. Il-Partit Soċjalista bagħat lil Alfred Sant – dak li kien qalilna biex nivvutaw kontra d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, dak li kien qalilna li se nġibu biss miljun u nofs meta għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, ġibna diġà aktar minn 2 biljun ewro favur il-pajjiż.

    Fid-diskussjoni fost l-oħrajn tkellimna fuq is-sistema ta’ taxxa. Qabel id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea il-PN kien innegozja sabiex inkunu aħna li nagħżlu s-sistema tat-taxxa tagħna. Konna aħna tal-PN li nsistejna u li daħħalna dan id-dritt favur Malta u l-Maltin. Iddefendejna dan id-dritt fil-Parlamenrt Ewropew u se nibqgħu niddefendu dan id-dritt fil-futur.

    Il-PN hu dak il-Partit li ħoloq is-setturi tas-servizzi finanzjarji u tal-gaming, setturi li ħloqna anke grazzi għas-sistema ta’ taxxa li għandna u li llum joffri impjieg lil xejn anqas minn 27,000 ħaddiem u familja. Dawn l-impjiegi huma mhedda mill-proposta tal-Partit Soċjalista fl-Ewropa, il-ħbieb ta’ Alfred Sant u Joseph Muscat, li kontra dak li nnegozja l-PN iridu taxxa waħda għall-pajjiżi kollha. Flok nibqgħu  niddeċiedu għalina aħna l-Maltin iridu li jkollna a one size fits all. Dan hu li qal Timmermans fl-aħħar jiem f’dibattitu u dan hu dak li għandhom miktub fil-manifest il-Partit Soċjalista Ewropew li tal-Labour iffirmaw għalih. Dan hu nkwetanti għaliex ifisser li dawk kollha li jaħdmu fis-servizzi finanzjarji u fl-igaming ikollhom ix-xogħol tagħhom mhedded.

    Ilni Membru tal-Parlament Ewropew inqas minn sentejn u kburi li flimkiem ma’ sħabi David u Roberta ħdimt biex niddefendu l-impjiegi u biex Malta ma tkun ittimbrata bħala tax haven kif riedu s-soċjalitsi fit-13 ta’ Diċembru, 2017. Aħna kredibbli għax dejjem iddefendejna isem Malta u l-Maltin. Lilna jemmnuna għaliex kull meta l-Gvern abbuża bil-korruzzjoni tkellimna u meta kellna bżonn naqbżu għal pajjiżna għamilna hekk ukoll. Għalhekk il-Partit Popolari Ewropew, l-akbar forza politika fil-Parlament Ewropew jiġbed il-ħabel tagħna u jiddefendi l-interessi ta’ pajjiżna. Għalhekk fil-25 ta’ Mejju l-għażla hi ċara. Ivvota lill-kandidati kollha tal-PN.