Home Meta għandek toqtol awtur

    Meta għandek toqtol awtur

    4 minuti qari

    In-namra tiegħi mat-thrillers u d-detective novels bdiet fi ċkuniti. L-ewwel kien hemm il-varji Famous Five u Secret Seven ta’ Blyton, imbagħad il-Hardy Boys u magħhom ħafna sensiliet oħrajn. Niftakar ukoll żewġ kotba ta’ Dennis Wheatley – inużwali ħafna għal żmien it-tmeninijiet – li kienu qishom dossier ta’ indizji u elementi interattivi biex bihom issolvi d-delitt.

    Wara naturalment, bħal kull min iħobb il-ġeneru, “iggradwajt” għal Agatha Christie li għandha minjiera kważi ineżawribbli ma’ rumanzi bi qtil u investigazzjoni. Minn Hercule Poirot għal Miss Marple (għad li din tal-aħħar dejjem dejqitni ftit meta mqabbla ma’ Poirot) għal oħrajn. Sa ma r-riċetta ta’ Christie bdiet issir ftit ripetittiva u ovvja, u bdejt ngħarrex għall-ġdid.

    Ħabiba tiegħi kienet irrakkomandatli lill-awtriċi P.D. James. Kien żmien is-Sixth Form, u b’James skoprejt dinja ġdida ta’ misteri ftit iżjed ċerebrali, fejn il-karattri u l-motivazzjonijiet tagħhom kienu importanti fl-iżvilupp tar-rakkont prattikament daqs il-misteru fih innifsu. U sa mewt James fl-2014 bqajt reliġjożament naqra kull xogħol ġdid tagħha. Anki wara mewtha, meta ħareġ il-postumu Sleep No More, bqajt infittixhom.

    Magħhom ovvjament tul is-snin żdiedu tilar awturi oħra, kollha jiktbu fil-ġeneru tat-thriller. Min b’mod iżjed konvenzjonali, min iżjed sperimentali fil-forma u r-rakkont. Wieħed mill-klassiċi jibqa’ The Secret History, id-debutt ta’ Donna Tartt li llum sar klassiku fil-letteratura dinjija fejn insiru nafu min hu l-qattiel fl-ewwel ftit paġni.

    Imma fost dawk li l-aktar ittantaw jieħdu post P.D. James fil-klassifika ta’ qari regolari tiegħi, hemm Ian Rankin, magħruf għas-sensiela trideċennali tiegħu dwar l-Ispettur John Rebus ambjentata f’Edinburgh, l-Iskozja.

    Tul dawn it-tletin sena li Rankin ilu jikteb thrillers dwar Rebus, Rankin ħa d-deċiżjoni li lill-Ispettur tal-istejjer tiegħu “ixejħu” in real time. Jiġifieri fi ktieb wara ktieb, lill-Ispettur narawh jikber dejjem ftit iżjed, minn Spettur relattivament żgħir jibda joqrob lejn il-pensjoni, il-ġogi jibdew jgħidulu “ajma” u jinbet mard varju. Fl-2007 irtira mix-xogħol, fir-rumanz Exit Music, bil-ħsieb li l-awtur joqtol lill-karattru u jkun liberu jikteb stejjer dwar karattri differenti.

    Imma tant kienet kbira l-imħabba tal-pubbliku għall-Ispettur Rebus, li fl-2012 l-awtur kellu – l-istess kif qablu kien għamel Conan Doyle b’Sherlock Holmes, u ħafna oħrajn – jerġa’ jqajmu mill-mewt letterarja u jikteb rumanz ġdid dwaru: Standing in Another Man’s Grave. Fih, Rebus kien irtirat mill-korp tal-pulizija imma xorta sab mezz kif iddeffes u ndaħal f’investigazzjoni li kienet għaddejja f’Edinburgh. U hekk baqa’ għaddej, f’rumanz wara l-ieħor sal-lum.

    Kienet deċiżjoni kuraġġuża tal-awtur li jxejjaħ lill-karattru prinċipali tiegħu in real time. Hemm ħafna awturi oħra li jagħżlu t-triq eħfef u ċjoè li l-karattru jibqa’, rumanz wara rumanz u sena wara sena, ma jixjieħ qatt. Qisu ż-żmien għalihom ma jgħaddi qatt.

    Imma did-deċiżjoni ġġib ukoll problemi prattiċi ta’ kitba u plott magħha. L-Ispettur Rebus qed jixjieħ u m’għadux jaħdem fil-korp tal-pulizija. Allura, aktar ma jmur aktar qed ikollu jivvinta skużi u kumbinazzjonijiet biex jinvolvih. Tant li saru jinħassu ftit imġebbda żżejjed.

    Almenu fil-fehma tiegħi.

    Hemm limitu kemm anki awtur immaġinattiv jista’ joħloq koinċidenzi fejn Rebus, ormai penzjonat, isib ruħu involut f’investigazzjoni tal-pulizija. U l-preżenza tiegħu fil-kotba qed issir iċken u iċken, b’karattri oħrajn li kienu sekondarji li qed jieħdu r-riedni f’idejhom. Idea sabiħa, imma min bħali ilu jaqra u jfittex it-thrillers tal-Ispettur Rebus, ifittixhom proprju għall-Ispettur u mhux għal diversi sidekicks oħrajn.

    U kien għalhekk fil-fatt, li dil-ġimgħa malli spiċċajt naqra l-aktar rumanz riċenti tiegħu, In a House of Lies, iddeċidejt li dan kien se jkun l-aħħar rumanz tal-Ispettur Rebus li se naqra. Imxejna triq twila ħafna flimkien – miż-żgħożija tiegħi sal-lum, kważi kull sena f’xi punt jew ieħor kien hemm Rebus fuq il-komodina tiegħi. Imma naħseb issa wasal iż-żmien li “noqtlu” mill-qari tiegħi, u li t-triqat tagħna jmorru f’direzzjonijiet differenti.

    Adieu mela, Rebus.