Home Int temmen il-ħrejjef ta’ Net News? - Zammit Marmarà

    Int temmen il-ħrejjef ta’ Net News? – Zammit Marmarà

    2 minuti qari

    Jekk tixtarr sewwa t-titli tar-rapporti ta’ Net News mill-bidu ta’ din is-sena ’l hawn tinduna kemm numru kbir minnhom huma biss ħrejjef. Fil-fatt, ipinġu stampa ta’ Malta illi hija biss invenzjoni, frott l-immaġinazzjoni ta’ xi ħadd illi huwa tant politikament partiġġjan li l-immaġinazzjoni fertili tiegħu jibdilha f’realtà u anke jibda jemmen l-invenzjonijiet tiegħu stess! Agħar minn hekk, jipprova jbella’ din l-istampa fittizzja lil min isegwi Net News.

    Kważi huwa żejjed li ngħid li, madankollu, il-poplu Malti llum huwa edukat u ftit issib nies fidili li jibilgħu dak li jgħidu ta’ Net News. Araw ftit dawn il-perli ta’ titli ta’ rapporti ta’ Net News li sibtilkom:

    “Prova ċara li l-Gvern jinsab maqsum – Adrian Delia”, 18 ta’ Jannar, 2019.

    “ (Il-PN) Partit magħqud biex jaħdem għan-nies”, 20 ta’ Jannar, 2019.

    “Il-Gvern falla fl-edukazzjoni – Adrian Delia”, 6 ta’ Frar, 2019.

    “Taħt il-Gvern Laburista n-nisa Maltin u Għawdxin spiċċaw fost l-agħar fl-Ewropa”, 8 ta’ Marzu, 2019.

    “Il-PN jibqa’ jaħdem biex itejjeb ir-reputazzjoni ta’ Malta”, 12 t’April, 2019.

    “Il-Gvern Soċjalista falla fl-enerġija u fil-wegħda ewlenija tiegħu li jraħħas il-kontijiet tad-dawl”, 17 t’April, 2019.

    “Gvern li ma jimpurtahx”, 22 t’April, 2019.

    “Il-Gvern Soċjalista mhux qed jiġġieled il-ħasil tal-flus”, 2 ta’ Mejju, 2019.

    “Il-Partit Soċjalista tilef ir-ruħ soċjali u nesa lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin”, 3 ta’ Mejju, 2019.

    “Il-Partit Soċjalista mhux kredibbli u ma jimpurtahx minn Għawdex”, 6 ta’ Mejju, 2019.

    Dawn fatti, mhux ivvintajthom jien. Tistgħu tixgħelu l-kompjuter, tidħlu fuq l-Internet u ssibuhom. Imbagħad, għiduli taqblux miegħi li dawn ta’ Net News jaħsbu li l-Maltin u Għawdxin huma fidili. Mhux ta’ b’xejn li l-Partit Nazzjonalista qabad it-triq tan-niżla! – Min se jafdah iktar meta min imexxi qed jgħix f’dinja immaġinarja?