Home Tajjeb għax tajjeb u tajjeb għax b’xejn!

    Tajjeb għax tajjeb u tajjeb għax b’xejn!

    2 minuti qari

    Rajtuh il-billboard bil-kliem “aktar ħin ta’ kwalità mal-familja”? Kemm hu sabiħ hux. U anke l-messaġġ tiegħu vera tajjeb. Fil-fatt, meta rajtu dil-ġimgħa fit-toroq ħsibtu li sar mit-tim tiegħi u ċempilt biex nirringrazzjhom u kont ftit sorpriż meta sirt naf li dak il-billboard sar mill-Partit Laburista.

    Kont sorpriż għax infittex fejn infittex, ma sibt xejn x’juri x’għamel il-Gvern Laburista biex joffri aktar ħin ta’ kwalità mal-familja – u m’inix qed nikkunsidra l-ħin li l-familji jqattgħu mwaħħlin fit-traffiku bħala “ħin ta’ kwalità”. Jekk kien hemm politiku Malti li ħadem verament biex il-familji Maltin u Għawdxin jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien huwa jien, li ressaqt ‘il quddiem, innegozjajt u ġibt ir-riżultati biex tidħol fis-seħħ id-Direttiva tal-Work Life Balance.

    Fil-Parlament Ewropew innegozjajt liġi li kull pajjiż, inkluż Malta, se jdaħħlu fis-seħħ. Jiġifieri l-Gvern Malti qed iqarraq meta meta jipprova jagħti l-impressjoni li hu ħadem għal dawn id-drittijiet. U dwar liema drittijiet qed nitkellem?

    Qed nitkellem dwar kif il-missirijiet, li llum-il ġurnata jkollhom jidħlu lura x-xogħol l-għada li jkollhom tarbija, issa se jingħataw 10 t’ijiem ta’ leave mħallas. Jiġifieri jekk int missier u għandek tarbija llum, tidħol lura għax-xogħol ġimgħatejn oħra. Mhux hekk biss. Imma l-ġenituri se jkollhom xahrejn ta’ leave mħallas – kull wieħed – li jistgħu jieħduh meta jridu sakemm uliedhom jgħalqu tmien snin. Kemm biex imorru għall-Parent’s Day, kemm biex iwassluhom l-ewwel ġurnata l-iskola, jew għax uliedhom ikunu ma jifilħux. Dan hu l-veru ħin ta’ kwalità mal-familja.

    Issa nispera li la qed iwegħdu ‘aktar ħin ta’ kwalità mal-familja’, ma jaħlux aktar ħin u jdaħħlu dawn id-drittijiet illum qabel għada. Għax il-familji mhux billboards sbieħ iridu, imma li verament ikollhom biżżejjed ħin biex iqattgħu flimkien.

    U għal darba, se taqraw xi ħaġa li żgur qatt ma ħsibtu li qatt se ngħid lill-Partit Laburista: Grazzi. Grazzi għax l-ewwelnett, tidher li qed tirrikonoxxu l-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew, u t-tieninett għax qed tirreklamaw dak kollu li ħdimt għalih, u se nibqa’ naħdem għalih.

    Imma parir tal-aħħar lill-Partit Laburista: B’li tagħmlu intom ftaħru kemm tridu. Imma b’rix ħaddieħor, tiftaħrux.