Home Insebbħu u nemmnu f’Malta

    Insebbħu u nemmnu f’Malta

    3 minuti qari

    Minn dejjem emmint fil-valuri Maltin u dawk Ewropej.

    Ili ftit ma nikteb fil-blogg ta’ Newsbook. Qbiżt xi ħmistax. Dan hu s-57 wieħed. 

    Qiegħed id-Dwejra Għawdex. Xi sbuħija ta’ għadira kennija mdawra b’irdum u xatt ċagħqi.

    Dlonk inżajt iżżarbun, poġġejt bilqiegħda fuq moll ċkejken u tfajt saqajja fl-ilma baħar, kultant inċafċaf qisni tifel.  Kieku nixtieq naqsam magħkom diversi ħsibijiet dwar fejn qiegħed, imma f’dawn l-aħħar ġranet tal-kampanja għall-elezzjonijiet Ewropej u tal-Kunsilli Lokali mingħajr ma rrid il-kelma taqafuq hekk.

    Ikolli ngħid li d-diversi esperjenzi u ġrajjiet li pajjiżna għadda minnhom mill-aħħar elezzjoni tal-2017 l hawn,  ma tantx huma xhieda ta’ governanza tajba u demokrazija rappreżentattiva matura. Ħafna huma  mħassba minkejja li fil-mument l-ekonomija hi tajba. Kien hemm ġranet meta ftakart f’dak li kont ktibt fl-ittra pubblika fejn fiha kont tajt ir-riżenja minn Whip tal-Gvern u r-raġunijiet għalfejn. 

    Illum, aktar minn qatt qabel naraf li l-Partit Demokratiku hu bħal dik iżżerriegħa ta’ siġra ġdida, li l-frott tagħha hu meħtieġ fil-politika għal pajjiżna. 

    F’anqas minn tliet snin, il-Partit Demokratikuu l-Oppożizzjoni Demokratika bnew direzzjoni politika li l-qalba tagħha hi d-dinjità tal-persuna u l-interessi ta’ Malta u Għawdex.  Il-Partit Demokratiku xettel politika ta’ lealtà lejn pajjiżna. Aħna kontra dawk il-partiti politiċi li huma maħkuma minnegozjanti tal-qalba u li jsaltnu bis-saħħa tal-firda partiġġjana li fniet lil pajjiżna.

    Il-Partit Demokratiku jemmen li l-poplu Malti jista jgħix tajjeb u ferm aħjar, mingħajr ma jbigħ saħħtu u mingħajr ma nikkompromettu l-ġmiel, il-karattru u l-wirt naturali ta’ pajjiżna. Nemmnu wkoll li Għawdex għandu jitħares bis-sħiħ biex ma jgħaddix mill-istess degradazzjoni tal- ġmiel naturali li Malta għaddejja minnha. Hemm il-ħtieġli l-ambjent, in-natura u l-bijodiversità nsarrfuhom f’valur. Dawn huma ħajjitna u saħħitna.

    Irridu nifhmu wkoll li d-dover ta’ kull gvern mhuwiex biss li joħloq il-ġid, imma illi jara li dak il-ġid jitqassam tajjeb u ma jkunx ġid maħluq għal ftit żmien li jiswielna l-futur ta’ wliedna. Il-ġustizzja soċjali titlob ukoll li lkoll kemm aħna għandna jkollna aċċess għall-opportunitajiet, għall-partipazzjoni attiva u d-drittijiet ugwali biex b’hekk kull bniedem ikun jista jilħaq il-milja tiegħu. It-tmexxija b’governanza tajba u ekonomija li tqiegħed in-nies l-ewwel, huma s-sisien li jiggarantixxu l-istess ġustizzja soċjali.

    Il-Partit Demokratiku jemmen li  l-ħajja għandha tkun imħarsa mill-konċepiment sal-mewt u li d-drittijiet, il-libertà u s-sigurtà tal-persuna huma drittijiet sagrosanti. Quddiem il-liġi kulħadd hu l-istess. Hu għalhekk alfejn il-Partit Demokratiku jindokra l-inklussività u s-solidarjetà 

    Biex kull policy u kull miżura tissarraf fi progress u prosperità, hemm il-ħtieġa li t-tkabbir ekonomiku jkun sostenibbli bħalma għandhom ikunu sostenibbli l-oqsma soċjali u ambjentali. M’hemmx dubju li f’dan il-mument neqsin mill-ippjanar.

    Malta bħalissa għaddejja minn mewġa ekonomika li tidher tajba, imma l-aqwa żmien malajr jgħib jekk ma nibżgħux għall-għaraq ta’ ġbinna u l-identità li tiddistingwi lil pajjiżna.

    Jien tal-fehma li ċ-ċavetta biex ikollna soċjetà miftuħa hi l-edukazzjoni. Dejjem emmint fil-ħiliet tan-nies u l-benessere tas-soċjetà.

    Il-ġid ta’ pajjiż ma jitkejjilx bil-ġid gross domestiku, imma bil-kuntentizza, bil-mistrieħ tal-moħħ u bis-sabiħ tal-ħajja.

    Pajjiżna f’qalbna.

    Insellmilkom.