Home Niddefendi isem Malta

    Niddefendi isem Malta

    3 minuti qari

    Skont stħarriġ tal-MaltaToday, l-iktar kwistjoni importanti għall-votanti tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew hija li jivvutaw lil MEP li se jiddefendi isem Malta. B’kollox kien hemm 26.1% li qalu hekk, u dawn il-votanti ġejjin kemm mill-Partit Nazzjonalista kif ukoll mill-Partit Laburista. Dan l-istħarriġ allura jimmerita ftit attenzjoni, speċjalment fuq il-kwistjoni tar-reputazzjoni.

    Il-Gvern u l-Partit Soċjalista f’Malta ilhom is-snin ixerrdu propoganda biex jgħidu li l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista qed jagħmlu ħsara lil isem Malta. Għal iktar minn darba, spjegajna li bħala ‘watchdog’ pubbliku, huwa r-rwol tal-Oppożizzjoni li tikkritika lill-Gvern. Dan jgħodd ukoll għall-MEPs tal-Oppożizzjoni. Wara kollox, il-Parlament Ewropew huwa l-parlament tal-Maltin u l-Għawdxin. Imma l-Gvern iħobb jispinja l-affarijiet. Ironikament, din ir-retorika giet sfaxxata fix-xejn minn ħadd ħlief Frans Timmermans, il-persuna li l-Partit Laburista stieden għal attività politika f’Jum il-Ħaddiem. Timmermans, li huwa l-kandidat tas-Soċjalisti Ewropew għal President tal-Kummisjsoni Ewropea, qed jimbotta lill-Unjoni Ewropea biex twettaq armonizazzjoni tat-taxxa (fejn is-sistemi tat-taxxa fil-pajjiżi jkunu kollha l-istess), u fejn qed jimbotta biex l-abort jiddaħħal fil-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

    Waqt dibattitu dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, Frans Timmermans (il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea) qal “Li s-Sur Orban jgħid li meta tikkritika lilu, lil-liġijiet jew lill-Gvern tkun qed tikkritika lin-nazzjon jew lill-poplu ifisser li s-Sur Orban qed juri kemm hu ‘coward’”. Din id-dikjrazzjoni qawwija titkellem waħidha u tikkonferma li r-retorika tal-Partit Laburista hija bla bażi u diżonesta.

    Spin oħra li l-Labour prova jxerred fis-snin li għaddew hija li aħna ma naħdmux favur l-interess ta’ Malta. Nitkellem għalija, ma nistax nifhem din ir-retorika. Ix-xogħol tiegħi fil-Parlament Ewropew kien purament biex niddefendi l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin. F’inqas minn sentejn, ħdimt biex iddefendejt id-drittijiet tal-ħaddiema Maltin li ma jkunu imġiegħla jħallsu għal taħriġ obbligatorju, ħdimt biex waqqafna l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol biex inharssu d-drittijiet tal-Maltin li jaħdmu barra, ħdimt biex il-Youtubers Maltin jibdew jitħallsu tal-materjal li jtellgħu fuq l-internet, ħdimt biex ikollna aċċess għal iktar deals fuq l-internet meta nixtru, ħdimt biex nagħtu iktar aċċess lin-negozji ż-żgħar għal pjattaformi tal-bejgħ fuq l-internet, ħdimt biex għaddejna liġi kontra iktar sustanzi fuq il-postijiet tax-xogħol li jistgħu jikkawżaw il-kanċer, iddefendejt id-dritt taċ-ċittadini li jkunu infurmati fuq issues ta’ importanza għalihom, ħdimt biex saħħaħna l-liġijiet dwar il-whistleblowers u l-protezzjoni tal-ġurnaliżmu investigattiv, ħdimt biex issalvagwardjajna l-postijiet tax-xogħol f’ħafna oqsma bħall-farmaċewtika, is-servizzi finanzjarji u s-settur tal-gaming b’emendi f’ħafna liġijiet differenti, u ddefendejt il-ħajja u vvutajt dejjem kontra l-abort. Nistaqsi: Din ħidma kontra Malta, Għawdex u ċ-ċittadini tagħha?

    Jiena kburi bir-riżultati li rnexxieli nikseb iżda għad fadal ħafna iktar xi jsir. Jien nġedded l-impenn tiegħi li nkompli naħdem biex nissalvagwardja r-reputazzjoni tagħna u fl-istess ħin nuża l-akbar lealtà tiegħi lejn il-partit u l-pajjiż biex nibni iktar fuq dan ix-xogħol. L-impenn tiegħi li naħdem fuq master plan Ewropew biex insahhu l-ġlieda kontra l-kanċer huwa qasam li se niffoka fuqu. Irrid ukoll nindirizza l-ostakli diġitali li għadna qed niffaċċjaw fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Huwa għalhekk li nistaqsik mghal andat ieħor filwaqt li nwiegħed li nibqa’ naħdem b’onestà.

    Francis Zammit Dimech huwa Membru Parlamentari Ewropew u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew