Home Żewġ ħwienet tal-ħjata fil-pjazza

    Żewġ ħwienet tal-ħjata fil-pjazza

    4 minuti qari
    Photo by Nathan Dumlao on Unsplash

    Fil-pjazza tar-raħal kien hemm żewġt iħwienet ibigħu l-magni u l-aċċessorji tal-ħjata. Kienu eżatt faċċata ta’ xulxin: wieħed fuq il-lemin tal-knisja u l-ieħor fuq ix-xellug. Kien ilhom snin twal hemm. Tal-lemin dejjem nafu iktar imfittex min-nies tar-raħal. Ġieli kien ikollu kju sa fuq il-bankina. Tax-xellug ukoll kellu bejgħ tajjeb imma qatt ma rnexxielu jkun popolari daqs ta’ quddiemu.

    Imbagħad ġie żmien fejn il-bejgħ beda jbatti għat-tnejn li huma. L-ikbar daqqa għall-ewwel ħadha l-ħanut tax-xellug li l-ftit bejgħ li kellu spiċċalu kważi fix-xejn. Is-sid ma kellux għażla ħlief li jżarma n-negozju li kien ilu f’idejn il-familja minn żmien bużnannuh.

    Is-sid tal-ħanut tal-lemin kien dara fil-ġid. Kull meta kien jara l-ħanut vojt kienet titlagħlu fawra għal rasu. Meta l-ħanut ta’ faċċata għalaq reġa’ ħa ftit tar-ruħ imma ma damx wisq igawdi mill-monopolju li kien kiseb fir-raħal. In-nies ma baqgħetx tixtri magni tal-ħjata, suf, labar u l-bqija bil-kwantità ta’ dari. Għalxejn imbagħad biddel il-vetrina u għalxejn biddel kemm-il impjegat: il-bejgħ xorta baqa’ jonqoslu.

    Intant ta’ faċċata fetaħ ħanut tal-ħwejjeġ u bil-mod il-mod beda jżid fil-popolarità u fil-bejgħ.

    Is-sid tal-ħanut tal-lemin iktar beda jħossu frustrat. Ma’ kull min kien jiltaqa’ kien jitkaża li n-nies tar-raħal ma kienx għadhom bieżla bħal dari għax saru jippreferu jixtru l-ħwejjeġ lesti milli jħituhom. Kien igerger ħafna anke kontra l-fatt li aktar nisa fir-raħal bdew isibu impjieg u li ma kienx għad għandhom ħin iħitu. In-nies kienu jisimgħuh, jitbissmulu u jkomplu b’ħajjithom.

    Biex iktar tgħaxxaqhielu ż-żgħażagħ tar-raħal lanqas baqgħu jitgħallmu l-ħjata. Din kienet iddejqu wisq. Wara li qata’ qalbu li dawn jitgħallmu mingħand ommijiethom kien saħansitra mar ikellem lill-Ministru tal-Edukazzjoni biex idaħħal il-ħjata fil-kurrikulu. Meta ra li l-Ministru ma tax kasu ma baqax jivvota.

    Eventwalment il-ħanut beda jiftħu għalxejn. Kulma kienu jmorru għandu kienu ftit anzjani ħbieb tiegħu, iktar biex jgħidu kelma u jgħaddu siegħa milli biex jixtru xi ħaġa. Meta xeba’, għalaq u beda jintefa’ l-każin tal-banda li jinsab bieb ma’ bieb. Tmur xħin tmur issibu hemm; igerger kontra l-moderniżmu u kontra kif saru n-nies tar-raħal hu u jlegleg tazza te bil-ħalib tal-bott wara l-oħra.

    Intant il-ħanut tax-xellug ma baqax ibigħ il-ħwejjeġ. Illum minfloku hemm uffiċċju mmexxi mit-tfal tas-sid. F’dan l-uffiċċju hemm jaħdmu xi nofs tużżana żgħażagħ quddiem kompjuter. Ma nafx eżatt x’jagħmlu ġo fih imma naf żgur li għandhom negozju tajjeb ħafna. Mhux l-ewwel darba li tard filgħaxija, jien u għaddej mill-pjazza, ilmaħthom mit-tieqa għadhom għaddejjin b’xogħolhom.

    Tant għandhom negozju tajjeb li dan l-aħħar it-tfal tas-sid ta’ dak li kien il-ħanut tal-lemin daħlu jaħdmu magħhom. Kienu qatgħu qalbhom jipprovaw jikkonvinċu lil missierhom jagħtihom il-ħanut tal-ħjata biex jiftħu għal rashom huma wkoll. Kull meta kienu jżerżqulu xi kelma ħlief fuq kemm kien glorjuż il-passat u kemm kienu aħjar ilbieraħ u lbiraħtlula ma kinux jisimgħu mingħandu.

    Fil-pjazza llum għad hemm il-knisja fin-nofs, uffiċċju ġdid mimli nies u ħajja fuq ix-xellug u ħanut dejjem magħluq u mimli għanqbut fuq il-lemin.

    Il-karattari u l-postijiet imsemmija f’din l-istorja huma kollha fittizji.