Home Vlogg: Ċiviltà ta' mħabba u rispett lejn kull bniedem

    Vlogg: Ċiviltà ta’ mħabba u rispett lejn kull bniedem

    2 minuti qari

    Bejn il-festa ta’ Lapsi u l-Għid il-Ħamsin il-Knisja tiċċelebra mument speċjali ħafna tat-talb tagħha.

    Terġa’ tidħol fil-kamra ta’ fuq, flimkien ma’ Marija omm Ġesù, u titlob b’qawwa kbira d-don tal-Ispirtu Qaddis tal-Mulej. Meta l-Knisja tipprova tifhem u tfiehem min hu l-Ispirtu s-Santu, it-tielet persuna tas-Santissima Trinità Alla wieħed, tuża’ l-immaġini li aħna nsibu fil-Kotba Mqaddsa.

    L-esperjenza ta’ Pentekoste tfisser lill-Ispirtu Qaddis bħala riħ qawwi u ilsna tan-nar li dehru fuq l-irjus tad-dixxipli tal-Mulej.

    Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tbiddel lil dan il-grupp ta’ nies imbeżżgħin mil-Lhud u mir-Rumani f’appostli, missjunarji; tagħtihom kuraġġ kbir u lingwaġġ ġdid: il-lingwaġġ tal-imħabba.

    Mhux ta’ b’xejn li l-Knisja, fl-innijiet sbieħ li jwassluna għall-festa ta’ Pentekoste, tal-Għid il-Ħamsin, titlob lill-Ispirtu s-Santu biex jerġa’ jiġi u jibnina u joħloqna mill-ġdid, u jimla l-qalb tagħna bl-imħabba safja tiegħu; imħabba li hija għal kulħadd, għal kull wieħed minna, għal kull bniedem li aħna niltaqgħu miegħu.

    Il-Papa Franġisku tana messaġġ importanti anke fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali, u sfidana, bil-mod qawwi u fl-istess ħin ħelu tiegħu, biex aħna nibnu ċiviltà tal-imħabba msejsa fuq ir-rispett ta’ kull bniedem, hu min hu. Anke jekk għandu kulur ta’ ġilda differenti minn tagħna, hu min hu, hi min hi!

    Kemm għandna bżonn nisimgħu dan il-kliem. Kemm għandna bżonn nitolbu lill-Ispirtu Qaddis tal-Mulej biex fil-qalb tagħna jnissel spirtu ta’ ndiema għal dnubietna imma wkoll spirtu ta’ kuraġġ li bih aħna nagħtu xhieda tal-imħabba vera, tal-imħabba safja, tal-imħabba li tmidd idha biex tgħin lil min għandu bżonn u nagħtuh ukoll lil min għandu bżonn il-ħarsa ta’ ħniena u l-kelma ta’ kuraġġ.

    L-ilsna tan-nar li dehru fuq id-dixxipli jfakkruna li l-ilsien hu arma li tista’ tibni ċiviltà tal-imħabba u tkissirha. Ejjew nitolbu, b’mod speċjali f’dan iż-żmien, biex il-kliem li nużaw għal xulxin ikun dejjem kliem ta’ rispett u ta’ mħabba.