Home Is-suwiċidju politiku tal-PN

    Is-suwiċidju politiku tal-PN

    3 minuti qari

    Sinċerament kultant kważi lanqas inkun irrid nemmen li kelli ngħix biex nara l-Partit Nazzjonalista jaqa’ fil-livell baxx li waqa’ fih illum. Dan huwa l-istess partit li ħdax-il sena ilu kien rebaħ it-tielet elezzjoni ġenerali konsekuttiva. Kien żmien meta aħna l-Laburisti konna qed nibżgħu li l-partit tagħna wasal lejn l-aħħar wara t-telfiet elettorali tal-1998, l-2003 u l-2008, u li l-Partit Nazzjonalista kien se jibqa’ fil-poter għal min jaf kemm snin!

    Ma naħsibx li l-Partit Nazzjonalista ġie f’din is-sitwazzjoni minħabba biss il-ġenju ta’ Dr Joseph Muscat. Veru li Dr Muscat huwa probabbli l-iktar politiku kapaċi fl-istorja politika ta’ Malta. Daqstant veru, però, li l-PN kissruh ċerti politiċi Nazzjonalisti stess. Il-Partit Nazzjonalista kien differenti fil-passat. Anke fl-agħar żminijiet bħal fi żmien il-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża tas-snin sittin u l-vjolenza tas-snin sebgħin u tmenin, xorta waħda kien hemm ċerti limiti tal-etika li qatt ma kienu jinqabżu. Fil-fatt, Dr Ġorġ Borg Olivier u l-Perit Dom Mintoff kienu avversarji kbar u qliel politikament fis-snin sittin imma xorta kellhom ċertu rispett lejn xulxin u anke Dr Edward Fenech Adami u Dr Karmenu Mifsud Bonniċi fl-1987 kienu waslu fi ftehim kruċjali dwar emendi kostituzzjonali li solvew il-problema tar-riżultat elettorali pervers tal-1981.

    Sfortunatament għal pajjiżna, illum hemm grupp ta’ Nazzjonalisti li jħarsu lejn il-Partit Laburista qisu għandu l-pesta. Ma jridux jaċċettaw l-id tal-ħbiberija fl-interess ta’ Malta u l-Maltin. Il-ħin kollu jaħdmu biex jimminaw mhux biss lill-Gvern Laburista imma anke lill-Kap tagħhom stess, Dr Adrian Delia, għax dan qed jipprova jsegwi politika ta’ moderazzjoni. B’għemilhom mhux biss għamlu ħsara kbira lil Malta imma anke saħansitra kissru l-partit politiku tagħhom stess.

    Qed naraw xeni tal-mistħija. Politiċi tal-istess partit jattakkaw lil xulxin f’wiċċ kulħadd. Qed naraw qasma wkoll bejn in-Nazzjonalisti ta’ Malta u dawk ta’ Għawdex. Qasma bejn dawk li jaħsbu li għandhom xi dritt li jibqgħu dejjem imexxu huma u jiġu jaqgħu u jqumu mid-demokrazija u dawk aktar moderati li jirrispettaw id-demokrazija u r-rieda taċ-ċittadini. Dak li kien jidher impossibbli issa jista’ jsir realtà, jiġifieri li l-Partit Nazzjonalista jinqasam f’żewġ partiti politiċi.

    Żgur li dan ikun suwiċidju politiku, ġennata tal-prima klassi li taċċerta li l-PN jibqa’ fl-Oppożizzjoni għal xi kwart ta’ seklu ieħor.