Home WHITE

    WHITE

    4 minuti qari

    “Bitter.” “Petty.” “Nonsensical, vapid.” Minn kollox għajtulu. Imma meta wieħed mill-aktar awturi esperti fl-arti tat-tqajjim ta’ kontroversji, iddeċieda li jippubblika l-ewwel ktieb non-fiction tiegħu, forsi ma kellna nistennew xejn inqas.

    Bret Easton Ellis, ex-enfant terrible tal-letteratura bl-Ingliż forsi assoċjat l-aktar mal-cult tiegħu American Psycho, imdorri sew bil-kontroversji. F’American Psycho kiteb dwar bankier Amerikan fid-dekadenti snin tmenin jgħix ħajja ta’ droga, xorb u nisa, li jinfexx f’kull tip ta’ qtil serjali brutali u mdemmi. Għad li fl-aħħar Ellis iħallina bi ftit dubji sew dwar dak kollu li nkunu għadna kif qrajna. Il-ktieb mimli referenzi għall-kultura pop tas-snin tmenin, minn laqgħat ma’ Tom Cruise sa isem Donald Trump li jitfaċċa diversi drabi fir-rumanz.

    Fil-frattemp, Ellis żamm ir-reputazzjoni tiegħu ta’ controversy at all costs b’artikli f’ġurnali Amerikani, sensiela ta’ podcasts li jipproduċi u jippreżenta, kif ukoll b’attakki serrati u kontinwi fuq Twitter kontra dak kollu li ma jogħġbux. L-angry white male, insomma.

    U appuntu White semmieh dan l-ewwel ktieb non-fiction tiegħu, ġabra ta’ esejs dwar il-politika u l-ħajja kontemporanja fl-era ta’ Trump, ta’ Twitter u tal-Likes fuq il-midja soċjali.

    L-argument ta’ Ellis huwa li sirna dinja skjava tal-Likes fuq il-midja soċjali, li niċċensuraw lilna nfusna biex ningħoġbu minn ħaddieħor, u li nfasslu l-viżjoni li nagħtu ta’ ħajjitna madwar kif se nidhru fuq Instagram, kemm se nitfgħu kummenti cool fuq Twitter u kemm se ngħidu u naħsbu l-istess ħaġa li taħseb il-maġġoranza.

    Fil-proċess jattakka l-ħsieb “liberali” u xellugi, ibda mis-segwaċi ta’ Hillary Clinton (fil-qasir, jgħidilhom “she lost, get over it”) u kompli bl-attivisti LGBTIQ u komunitajiet artistiċi li skontu qed jgħixu f’torrijiet tal-avorju. Jgħid li hu ma vvutax fl-elezzjonijiet presidenzjali Amerikani tal-2016 imma li ma jifhimx il-kundanni feroċi kontra Trump u l-parallelliżmi, skontu ridikoli, bejn l-amministrazzjoni Amerikana preżenti u l-faxxiżmu.

    Naturalment, ’qas hemm għalfejn ngħidu, l-istess midja liberali qabżet fuqu, u r-reċensjonijiet f’dawn il-gazzetti kienu atroċi u feroċi. Appuntu: “Bitter.” “Petty.” “Nonsensical, vapid.”

    Minn naħat oħra, kien hemm osanni u ċelebrazzjonijiet tal-ktieb, qishom it-twavel ta’ Mosè verżjoni 2019.0. “He tells it like it is.” “Unapologetic, intelligent.” “Refreshing and hugely interesting.”

    Jien qrajtu, kurjuż immens u ngħid is-sew għal partijiet minnu sibt ruħi ntih raġun. Dwar l-ossessjoni bil-Likes u dwar kemm f’ċerti bnadi jsir cyber-lynching kontra kull min jazzarda jesprimi opinjoni li mhix liberali biżżejjed. Dwar kemm għal diversi attivisti u komunitajiet politikament korretti, paladini tal-libertà tal-espressjoni, din il-libertà ġieli donnha tieqaf meta l-espressjoni espressa ma taqbilx ma’ tagħhom.

    Però, wieħed ma jistax ma josservax kontradizzjoni enormi, impliċita tul il-ktieb kollu — li filwaqt li qed jixher kontra dawk li jattakkaw feroċement lil kull min ma jaqbilx magħhom (tisimgħu jitkellem, qisu sad-disgħinijiet qatt ma kien hemm argumenti feroċi dwar politika, reliġjon jew sess), Ellis stess jattakka anki b’kattiverja u sense ta’ score-settling lil min ma jaqbilx mal-valuri tiegħu. Bħal pereżempju meta jsemmi episodji li, wieħed jassumi, kienu intenzjonati li jibqgħu privati, donnu biex jimbarazza lin-nies inkwistjoni u jpattihielhom ta’ xi ħaġa li għamlulu.

    Iżda, wara li temmejt l-aħħar paġna, li baqagħli żgur minn dal-ktieb hu viżjoni ftit iżjed ċara ta’ għaliex fid-dinja tal-lum huma daqstant popolari mal-elettorat nies bħal Trump, Orbán, Farage u oħrajn. U, anki jekk għalhekk biss, nikkonsiljah White, għax taqrah u tifhem ftit aktar did-dinja parallela. U tifhem għala bil-probabbiltà kollha se jibqgħu jirbħu elezzjonijiet u kunsensi.