Home Adrian Delia kuraġġuż li baqa’ Kap jew ġennata?

    Adrian Delia kuraġġuż li baqa’ Kap jew ġennata?

    2 minuti qari

    Ikollok il-fergħa taż-żgħażagħ tal-partit kontrik; ikollok il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil tfixklek il-ħin kollu; ikollok is-segwaċi ta’ Daphne Caruana Galizia li ma jridux jafu bik; ikollok il-membri tal-“establishment” preċedenti tal-partit li ħafna minnhom telqu u ma jirrikonoxxukx bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista; ikollok parti mill-midja lokali li tattakkak bla waqfien; ikollok żvantaġġ ta’ voti li taf li huwa totalment impossibbli li tirkuprah fi żmien tliet snin … u tiddeċiedi li tibqa’ tmexxi l-partit politiku li inti l-Kap tiegħu u tibqa’ tgħid ukoll li se twasslu għal rebħa. Dan kuraġġ jew ġenn (f’sens politiku, naturalment)?

    Kultant, ma tistax ma tammirax lil Dr Adrian Delia li jippersisti minkejja li jaf li jrid jitla’ muntanja kollha żlieq sabiex jipprova jasal sal-elezzjoni ġenerali li jmiss, aħseb u ara jirbaħha! – Min-naħa l-oħra tħoss li qed jilludi ruħu bil-kbir jekk qed jaħseb li għandu l-inqas ċans li jġibha żewġ. Għalija, Adrian Delia llum inxebbħu ma’ dak l-ammiral tal-flotta li qed jiġġieled battalja kontra avversarju kapaċi ħafna, imma wkoll bl-iżvantaġġ miżjud li waqt il-battalja jrid joqgħod iħares wara spallejh għal xi torpedo sparata minn taħt il-baħar minn xi sottomarin tiegħu stess!

    Mhux hekk biss iżda hemm ukoll il-kwistjoni tal-istorja. Telfa oħra kbira għall-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss taf tkun it-tmiem tiegħu bħala forza politika f’Malta. Ma naħsibx li se jxolji kieku jiġri hekk imma jista’ jkun li jsir irrelevanti għal kollox fix-xena politika kif, wara kollox, kważi diġà hu llum. Għalhekk, nistaqsi jekk jagħmilx sens li Dr Adrian Delia qed jieħu r-riskju li jibqa’ mfakkar bħal l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-agħar żmien tal-istorja tiegħu.

    Wisq nibża’ li l-kuraġġ ta’ Dr Adrian Delia huwa l-kuraġġ ta’ ngħam.