Home L-oxxenità ta’ kif kissru lil Adrian Delia

    L-oxxenità ta’ kif kissru lil Adrian Delia

    3 minuti qari

    Ħafna minna li għal żmien twil konna nvoluti fil-politika tgħallimna mill-esperjenzi tagħna napprezzaw il-valur tant importanti tal-lealtà fil-politika. Għaliex? – Għax jekk twarrab dan il-valur mill-ħajja politika, nispiċċaw b’politika tal-ġungla fejn min hu l-aktar aggressiv, l-aktar kattiv, l-akbar ġakbin, eċċ., jirrenja u min iħares lejn il-politika bħala servizz, ifittex il-ftehim, ikun diplomatiku fl-aġir tiegħu, eċċ., jispiċċa jitwarrab fil-ġenb.

    Huwa għalhekk li dak li ġara dan l-aħħar fil-Partit Nazzjonalista qiegħed jinkwieta mhux ftit lil min tassew iħobb id-demokrazija. Għandek grupp ta’ nies li numru minnhom ftehmu flimkien baxx baxx, bl-iktar mod kodard possibbli, biex Kap ta’ Partit elett mit-tesserati, u għalhekk bl-iktar mod demokratiku, jeħilsu minnu malajr kemm jista’ jkun għaliex l-għażla demokratika li saret ma tgħoġobhomx jew, ukoll, mhix fl-interess personali tagħhom.

    Hemm min qalli: “U int mhux avversarju politiku ta’ Adrian Delia, mela kif tikkummenta fuq x’qed jiġri fi ħdan il-Partit Nazzjonalista? – Tindaħalx!” –  Jiżbalja min jirraġuna hekk għaliex aġir anti-demokratiku ma jagħmilx ħsara biss lil min jappoġġja lill-Partit Nazzjonalista imma lil kulmin jifforma parti mis-sistema demokratika f’pajjiżna.

    L-oxxenità ta’ kif ħadmu dawk kontra Dr Adrian Delia issa ħarġet fil-beraħ. L-ewwel imminawh kemm setgħu b’kampanja fil-media kontrih. Uħud minnhom ħadmu kollox dejjem bil-moħbi. Oħrajn kienu aktar diċenti u attakkawh bil-miftuħ. Segwew il-leakages, forsi l-aktar aspett maħmuġ ta’ din il-kampanja kontra Dr Delia. Min jikxef informazzjoni sigrieta sempliċement biex jagħmel ħsara lill-Kap tiegħu huwa traditur tal-partit tiegħu stess.

    Imbagħad waslet l-iprem okkażjoni biex jitkisser Dr Delia: l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.  Dawk li jaħdmu baxx baxx, fid-dellijiet, dawk li jitfgħu l-ġebla u jaħbu jdejhom, issa ġiehom l-aqwa ċans biex iwettqu t-tir ta’ moħħhom. Ġriet il-kelma biex lil ċerti kandidati tal-Partit Nazzjonalista viċin ta’ Dr Adrian Delia, jiġifieri tal-partit tagħhom stess, ma jivvotawlhomx. Hekk baqgħu l-art kandidati validi ħafna. Kandidati oħrajn li forsi ma kienx ħaqqhom jiġu eletti, ġriet il-kelma biex jingħataw l-ewwel żewġ preferenzi u hekk ġew eletti. Votanti oħrajn, influwenzati mill-kampanja kontra Dr Delia, ma ġabrux il-vot, jew baqgħu id-dar dakinhar tal-vot, jew marru jivvotaw imma ħassru l-vot.

    Meta mbagħad id-disfatta elettorali saret realtà u l-Partit Nazzjonalista ġie totalment umiljat, uħud minn dawk stess li ħolquha, bil-wiċċ tost u vili kollu, daru fuq Dr Adrian Delia, li kien il-vittma tagħha, u qalulu jitlaq. Issa ħarġu fil-beraħ dawk kollha li kienu kontrih. Din hi s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista llum. Sitwazzjoni li hi ta’ periklu għal kull ċittadin u anke għall-Partit Laburista fil-gvern. Għax meta jkollok Oppożizzjoni f’kollass totali, għax tal-Partit Demokratiku wkoll jinsabu f’konfużjoni fil-partit tagħhom, din hi sitwazzjoni perikoluża mhux biss għad-demokrazija imma anke f’każ ta’ xi theddida għas-sigurtà tal-pajjiż.

    Moħħna mistrieħ biss mill-fatt li għandna Prim Ministru serju, mexxej ta’ Gvern Laburista ta’ kalibru kbir. Mill-bqija nittamaw li oxxenitajiet politiċi bħal dawk li qed naraw fil-Partit Nazzjonalista jispiċċaw malajr kemm jista’ jkun għall-ġid ta’ kulħadd. Ċerti nies fil-Partit Nazzjonalista hemm bżonn jiftħu d-dizzjunarju u jfittxu eżatt xi tfisser il-kelma “lealtà”.