Home Il-PN Se Jinqasam F’Żewġ Partiti?

    Il-PN Se Jinqasam F’Żewġ Partiti?

    3 minuti qari
    Monique Agius

    Kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa fil-Partit Nazzjonalista, ma narax kif Dr Adrian Delia jista’ jibqa’ miexi ’l quddiem. Għandu oppożizzjoni qawwija wisq minn diversi Nazzjonalisti bħalu li ma jriduhx ikompli jmexxi l-PN. Jidher li l-ħafna laqgħat li qed isiru huma biss forma ta’ armistizju bejn il-fazzjonijiet differenti fi ħdan l-istess partit. Armistizju li jħalli kollox kif inhu u ma jsolvi xejn. Kif tista’ tibqa’ miexi hekk? – Sewwa qed jgħidu ħafna analisti politiċi li b’dan il-mod, il-Partit Nazzjonalista riesaq, bil-mod il-mod, lejn massakru fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

    Min mhuwiex midħla tal-istorja politika ta’ pajjiżna ma jafx li fil-passat kellna okkażjonijiet meta kien hemm iktar minn partit nazzjonalista wieħed. Fil-fatt, fl-ewwel elezzjoni ġenerali, dik tal-1921, kellna lill-Unione Politica Maltese, partit immexxi mill-Monsinjur Ignazio Panzavecchia, kif ukoll il-Partito Democratico Nazionalista, immexxi minn Dr Enrico Mizzi. Wieħed jista’ wkoll jara ċertu xebħ hawnhekk bejn is-sitwazzjoni kif kienet dak iż-żmien u kif inhi llum għax il-fazzjoni ta’ Panzavecchia kienet meqjusa aktar moderata minn dik ta’ Mizzi bħalma llum il-fazzjoni ta’ Adrian Delia hija meqjusa aktar moderata minn dik ta’ Simon Busuttil. Fl-1926, iż-żewġ partiti ngħaqdu u saru l-Partit Nazzjonalista li għandna llum.

    Kien hemm ukoll Nazzjonalisti li fil-passat ma qablux mal-partit tagħhom u ffurmaw partit għal rashom bħall-Professur Ġużè Hyzler li waqqaf id-Democratic Action Party li kkontesta l-elezzjonijiet ġenerali tal-1947 u l-1950 u Dr Herbert Ganado li waqqaf il-Partit Demokratiku Nazzjonalista li kkontesta l-elezzjonijiet ġenerali tal-1962 u l-1966. Dawn il-partiti t-tnejn kellhom suċċess limitat u eventwalment spiċċaw biex xoljew.

    Tajjeb li wieħed ifakkar ukoll fatt politiku li llum jidher stramb ħafna u dan huwa li bejn l-1926 u l-1942, il-Partit Nazzjonalista kien immexxi minn żewġ kapijiet, Dr Enrico Mizzi u Dr Ugo Pasquale Mifsud. Tistgħu timmaġinaw xi ftehim bħal dan illum? – Ma naħsibx.

    Forsi, iktar ‘il quddiem, jista’ eventwalment ikollna qasma fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li twassal għall-ħolqien ta’ żewġ partiti politiċi distinti minn xulxin imma li lesti jiffurmaw gvern ta’ koalizzjoni? – Bħall-koalizzjoni tal-1924 bejn l-Unione Politica Maltese u l-Partito Democratico Nazionalista?

    Naħseb Dr Adrian Delia llum ftit għandu għażliet quddiemu. Jista’ jibqa’ jmexxi partit maqsum fejn ma teżistix klima ta’ rieda tajba bejn il-fazzjonijiet li tista’ twassal lill-Partit Nazzjonalista lejn sitwazzjoni aktar feliċi. Dan ikun ifisser telfa ċerta u, probabbli wkoll, umiljanti ħafna fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Inkella Dr Delia jista’ jwarrab u j/tinħatar kap ġdid għal żmien qasir u definit sal-elezzjoni ġenerali li jmiss sakemm il-Partit Nazzjonalista jirkupra ftit. Imbagħad, wara li l-PN ikun struttura ruħu mill-ġdid u ssaħħaħ sew, j/tinħatar il-kap li x-xogħol tiegħu/tagħha jkun li j/twassal lill-Partit Nazzjonalista lejn rebħa elettorali fl-elezzjoni ġenerali ta’ madwar tmien snin oħra. Inkella l-Partit Nazzjonalista jinqasam f’żewġ partiti politiċi li jikkontestaw separatament imma jkunu lesti jiffurmaw gvern ta’ koalizzjoni.

    Sinċerament, min hu analista politiku oġġettiv jgħidlek li kollha huma għażliet iebsin u dan ifisser li probabbli fis-snin li ġejjin se naraw lill-Partit Nazzjonalista jiddgħajjef aktar.