Home Vlogg: "Hemm mod u mod kif tiċċelebra fil-festi" - l-Arċisqof

    Vlogg: “Hemm mod u mod kif tiċċelebra fil-festi” – l-Arċisqof

    3 minuti qari

    F’dawn il-ġranet qegħdin niċċelebraw il-festa solenni tal-appostli San Pietru u San Pawl. Fil-parroċċi tagħna qiegħda ssir ġabra speċjali għall-karità tal-Qdusija Tiegħu l-Papa. Inħeġġeġ lill-poplu tagħna biex ikun ġeneruż mal-karità tal-Papa. Ħafna drabi meta niltaqa’ mal-Qdusija Tiegħu l-Papa nitkellmu dwar l-eżiġenzi li għandhom il-kollaboraturi tiegħu, b’mod speċjali l-Kardinal Krajewski, li huwa l-elemosinjier tal-Papa, dak li jqassam il-karità f’ismu, u li qed jipprova jgħin lil ħafna nies li jkunu jittalbu madwar il-Bażilika ta’ San Pietru u f’postijiet oħra f’Ruma u li qed jippruvaw jipprovdulhom mumenti anke ta’ mistrieħ, fejn jinħaslu u fejn jaqtgħu xagħarhom.

    Ħafna drabi l-Papa wkoll qiegħed jistedinhom għal xi okkażjoni speċjali. Fil-birthday tiegħu, pereżempju, iddeċieda li jiċċelebra ma’ dawn in-nies, ovvjament marru jinħaslu qabel iltaqgħu mal-Papa, imma dawn il-flus li qegħdin nagħtu jmorru biex il-Papa jkun jista’ jgħin partijiet tad-dinja fejn ikun hemm bżonn. M’ilux, pereżempju, bagħat somma kbira ħafna lil pajjiż li kien milqut minn terremot kbir.

    Il-Papa għandu fil-ħsieb tiegħu komunitajiet differenti madwar id-dinja imma jipprova, permezz anke tal-għajnuna li noffrulu aħna l-Kattoliċi ta’ madwar id-dinja, għaliex din il-ġabra ssir fid-dinja Kattolika kollha, dak kollu li aħna nagħtu anke fil-ftit tagħna jkun qed jgħin lill-Papa biex jagħmel ħafna ġid.

    Qegħdin fl-istaġun tal-festi, nistgħu ngħidu fl-eqqel tal-istaġun tal-festi. F’dawn il-ġimgħat li ġejjin kull weekend se jkollna diversi festi fil-parroċċi tagħna. Jiena nappella biex il-poplu tagħna jkompli jieħu pjaċir bil-festi tagħna. Ma ninsewx li l-festi huma u jibqgħu festi li għandhom narrattiva reliġjuża, mhux biss organizzati mill-Knisja imma b’kollaborazzjoni ma’ stakeholders oħra, imma n-narrattiva Kattolika Nisranija trid tibqa’ hemm b’mod speċjali fil-mod kif nitkellmu fuq xulxin, anke meta jkun hemm partiti rivali, baned rivali jew inkella xi rivalità bejn l-irħula. Il-mod kif nitkellmu fuq xulxin fil-festi jiddeċiedi jekk aħniex nagħmluhom ta’ Nsara jew ta’ pagani.

    Il-mod kif niddevertu; jien tinkwetani ħafna meta nisma’ li ż-żgħażagħ tagħna qegħdin jiltaqgħu mad-droga għall-ewwel darba fil-festa tal-qaddis. Dan ma jagħmlilniex unur! U min liż-żgħażagħ tagħna jagħtihom din it-tentazzjoni, irid iħallas quddiem il-ġustizzja ta’ Alla. Jiena nibża’ meta naħseb kemm inkwiet ikollhom il-ġenituri meta ż-żagħżugħ joħroġ għall-marċ, mingħalihom, u jidħol imdamdam. Għidli inti, tkun omm u missier, x’jibqa’ fik?! Iħassarlek il-festa, kif ngħidu. ‘Ara tħassarlix il-festa!’. Imma aħna hekk qed nagħmlu lil xulxin bis-sokor u bit-tbaħrit, li ma jixraqilniex.

    Aħna tajjeb li niċċelebraw u niddevertu imma hemm mod u mod kif tagħmilhom. Nawgura imma lil kulħadd biex il-festi tagħna jibqgħu festi sbieħ li fihom niċċelebraw u tassew nifirħu flimkien.