Home Kif tista’ ma tfaħħarx lill-Gvern Laburista?

    Kif tista’ ma tfaħħarx lill-Gvern Laburista?

    2 minuti qari

    Min hu onest jammetti mill-ewwel li l-Gvern Laburista mmexxi minn Dr Joseph Muscat bidel għall-aħjar il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u Għawdxin kollha. Dan ma jfissirx li ma sarux żbalji u li forsi ċerti affarijiet ma setgħux saru aħjar, imma l-verità ma jista’ jmeriha ħadd u l-fatt jibqa’ li l-ebda Malti ma jista’ jgħid li taħt il-Labour mhuwiex aħjar minn taħt in-Nazzjonalisti.

    Jekk int pensjonant/a, dan il-gvern tak żieda fil-pensjoni u raħħaslek il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Jekk int żgħażugħ/a, dan il-gvern ħoloqlok ħafna opportunitajiet ta’ xogħol u ta’ taħriġ. Ħoloq spazji rikreattivi għall-familji, ta spinta lill-attivitajiet kulturali, u ħajja ġdida lill-Belt Valletta. Permezz tar-riforma tal-kunsilli lokali, qed jipprovdi l-għodda biex ikollna lokalitajiet aktar indaf u aktar sbieħ.

    Il-Gvern Laburista żewweġ is-suċċess ekonomiku mal-progress soċjali. Filwaqt li għandna ekonomija dejjem tikber u li hi fost l-aqwa fl-Ewropa, daħlu wkoll fis-seħħ ħafna miżuri soċjali li jaċċertaw l-għajnuna tal-Istat għall-membri l-aktar dgħajfa u vulnerabbli fis-soċjetà Maltija. Biżżejjed wieħed isemmi s-sistema tas-saħħa fejn saru avvanzi li għamluha l-għira ta’ pajjiżi ħafna akbar minna.

    Fuq kollox, Gvern Laburista ħoloq klima ta’ trankwillità fil-pajjiż. Għandna gvern stabbli, libertà tal-espressjoni u ambjent demokratiku. Sfortunatament, hemm ċerti elementi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li ma ħamlux jaraw dan il-ġid kollu maħluq minn gvern Laburista u qed jagħmlu minn kollox biex ifixklu l-progress. Rajna protesti vojta u bla sens f’Malta stess u kampanja li tħammeġ isem pajjiżna barra minn xtutna.

    Lil dawn li jridu jfixklu, nappellalhom biex ma jkomplux jippruvaw jitfgħu lil pajjiżna lura minflok inkomplu l-mixja ’l quddiem.