Home Adrian Delia: falliment u umiljazzjoni

    Adrian Delia: falliment u umiljazzjoni

    2 minuti qari

    Bħala bniedem li ili ħafna snin involut fil-politika, bqajt imbellaħ bis-soluzzjoni li ħareġ biha Dr Adrian Delia biex jipprova jsolvi l-problemi tal-Partit Nazzjonalista. Dan għaliex, fl-opinjoni tiegħi, huwa umiljanti għall-aħħar li Kap ta’ partit politiku jafda f’idejn eks-politiku tal-partit tiegħu stess biex isolvi l-problemi li hu, bħala Kap tal-partit, falla milli jsolvi.

    Wara kollox, element primarju ta’ tmexxija tajba huwa li meta tiġi ffaċċjat bi sfida, tegħlibha. U tegħlibha waħdek biex hekk turi li inti mexxej denju tal-isem. Mhux issejjaħ għall-għajnuna tal-“big brother” għax waħdek ma tasalx! – Li ġralu Adrian Delia huwa li kien hemm min sfidah f’wiċċu u ma kienx kapaċi jimmobilizza appoġġ biżżejjed biex iqaċċtu mill-partit. Hekk wera kemm hu dgħajjef u l-oppożizzjoni kontrih kompliet tissaħħaħ.

    Issa, billi Dr Adrian Delia qabbad lil Dr Louis Galea biex jipprova jirriforma lill-Partit Nazzjonalista, x’ħa b’daqshekk? – Se tinħela sena oħra b’ħafna laqgħat, rapporti tas-sitwazzjoni, eċċ. Veru li Delia rebaħ ftit taż-żmien imma fejn se jasal b’dan kollu? – Mhux sempliċement ilesti ruħu għal massakru elettorali fl-elezzjoni ġenerali li jmiss?

    Bħalissa nxebbaħ lil Dr Adrian Delia ma’ xi ħadd li jkun ikkundannat għall-mewt u jiftaħ kawża wara kawża biex jipprova jtawwal il-proċess sakemm is-sentenza tiġi esegwita. Jgħaddi minn martirju biex eventwalment xorta minn hemm ikollu jgħaddi. U Dr Delia l-istess se jiġrilu, dejjem f’sens politiku. Għax bir-riformi u r-rieda tajba kollha tiegħu, Dr Louis Galea mhux se jevita telfa kbira għall-PN fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, għax Dr Joseph Muscat hemm għadu u s-suċċessi tal-Gvern Laburista dejjem jiżdiedu!

    Imbagħad, wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss, Adrian Delia jkollu jitlaq u l-PN jerġa’ jibda mill-bidu jara kif se jsolvi l-problemi tiegħu u lil min se jeleġġi bħala Kap. Kif ngħidu bl-Ingliż: “back to square one”!