Home Vlogg: 'Qraba u ħbieb’ mhux biss fil-funerali imma tul ħajjitna - l-Arċisqof

    Vlogg: ‘Qraba u ħbieb’ mhux biss fil-funerali imma tul ħajjitna – l-Arċisqof

    2 minuti qari

    Il-weekend li ġej huwa weekend sabiħ ħafna fil-liturġija tal-Knisja. Il-15-il Ħadd matul is-sena ddedikat f’din is-sena lill-parabbola li Ġesù jagħmel u li aħna nafuha bħala l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb.

    Għaref tal-Liġi jistaqsi lil Ġesù min hu l-proxxmu tiegħu. U Ġesù jirrakkonta l-istorja ta’ raġel li fit-triq lejn Ġeriko minn Ġerusalemm jaqa’ vittma tal-ħallelin li jħalluh għeri u kważi nofsu mejjet, jgħaddu żewġ qassisin u jdawru wiċċhom ’l hemm u ma jagħtux kasu u mbagħad jgħaddi Samaritan li jara lil dan ir-raġel għal għonq it-triq kważi se jmut u jieħu ħsiebu. Ipoġġih anke f’lukanda a spejjeż tiegħu u lis-sid jgħidlu: “Meta nerġa’ lura nħallsek dak li hemm bżonn”. U Ġesù jgħidlu: “Min kien il-proxxmu ta’ dan ir-raġel?” L-għaref tal-Liġi jirrispondi li min għenu u Ġesù jgħidlu: “Int mur u agħmel l-istess”.

    Il-proxxmu huwa dak li jersaq lejn min qed jara li għandu bżonn l-għajnuna u jagħtihielu. Dawk iż-żewġ qassisin raw lil dak ir-raġel mitluq għal għonq it-triq imma baqgħu sejrin, ma sarux proxxmu. Għax ‘proxxmu’ ġejja wkoll mill-kelma Taljana ‘prossimo’, li tkun qrib, li tkun proxxmu tfisser li tkun qrib ta’ dak li jkun.

    Dan il-weekend ta’ min nistaqsu lilna nfusna: imma aħna qrib ta’ xulxin? Ħafna min-nies insejħulhom qraba imma kemm hemm anzjani abbandunati fir-residenzi tagħhom? Kemm fid-djar tagħhom kważi msakkrin ġewwa, u kemm fid-djar tal-anzjani fejn ħadd ma jmur jarahom. Kemm aħna verament qraba? Kultant nissejħu qraba għall-okkażjoni ta’ xi funeral. Tajjeb li nkunu qraba anke matul il-ħajja ta’ dak li jkun, qraba u ħbieb. Dawn iż-żewġ kelmiet fil-lingwa tagħna għandhom għeruq sbieħ: li tkun qarib xi ħadd u li tħobbu, qarib u ħabib.

    Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna meta nisimgħu ‘qraba u ħbieb’ ma jkunx biss f’xi funeral jew fuq xi santa ta’ xi mejjet imma matul ħajjitna u waqt li l-qraba u l-ħbieb tagħna għadhom ħajjin.