Home X’se jiġri wara li jitlaq Dr Joseph Muscat?

    X’se jiġri wara li jitlaq Dr Joseph Muscat?

    3 minuti qari
    PL

    Iż-żmien jgħaddi. Għadni niftakar qisu l-bieraħ meta f’Ġunju tal-2008, bħala delegat tal-Partit Laburista, mort nitfa’ l-vot tiegħi favur Dr Joseph Muscat biex jilħaq il-mexxej ġdid tal-Partit. Dak iż-żmien kont immexxi wieħed mit-think-tanks tal-Partit Laburista, il-Fondazzjoni Mikiel Anton Vassalli li wara, flimkien mat-think-tank l-ieħor tal-Partit dak iż-żmien, jiġifieri l-Fondazzjoni Ġużè Ellul Mercer, saret parti minn Fondazzjoni IDEAT li għandna llum.

    Id-delegati tal-Fondazzjoni konna ltqajna ma’ Dr Muscat fejn spjegalna l-viżjoni tiegħu għall-ġejjieni tal-Partit Laburista u, naturalment, għal pajjiżna. Viżjoni li ħafna minnha diġà twettqet kemm ilu Prim Ministru Dr Joseph Muscat. Ġara, però, li Dr Muscat tant irnexxa bħala Mexxej tal-Partit Laburista u bħala Prim Ministru li numru ta’ Laburisti, banalment fl-opinjoni tiegħi, qed jibżgħu li l-Partit se jmajna xi ftit meta Dr Muscat jispiċċa minn Mexxej tal-PL u minn Prim Ministru.

    Banali ħafna dan l-argument għax din hi biża’ bla bażi ta’ xejn. Jien inkun minn tal-ewwel li ngħid li Dr Joseph Muscat huwa bla dubju wieħed mill-aħjar mexxejja li qatt kellu mhux biss il-Partit Laburista imma anke pajjiżna. Madankollu, dan ma jfissirx li fil-Partit Laburista wieħed ma jsibx nies kapaċi li jistgħu jkomplu l-ħidma mibdija minn Dr Muscat.

    Mhux se jieħu għalih Dr Muscat jekk ngħid li l-Partit Laburista huwa ikbar mill-mexxej tiegħu għax il-Partit mhuwiex persuna waħda biss. Anzi, persważ li Dr Muscat inniffsu jaqbel miegħi perfettament dwar dan. Għandna ħafna nies ta’ talent fil-Partit, min f’qasam u min f’ieħor. Mhux se nsemmi ismijiet biex ħadd ma jieħu għalih jew jaħseb li rrid naġevola xi kandidat/a prospettiv/a partikolari. Li hu żgur huwa li kollha huma nies bi kwalifiki għolja f’diversi oqsma u daqstant ieħor esperjenza fil-kamp politiku u l-ħajja pubblika.

    Meta jwarrab Dr Joseph Muscat, ikollna mexxej/ja ġdid/a elett/a demokratikament mid-delegati tal-Partit Laburista u bl-appoġġ leali tal-membri kollha. U min jilħaq Prim Ministru jkompli l-progress li ġab Dr Joseph Muscat u l-Gvern Laburista mmexxi minnu. Nifhem li meta ċerti Laburisti jaraw x’qed jiġri fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, jinkwetaw xi ftit meta jiftakru li l-Laburisti wkoll fil-ġejjieni qarib iridu jeleġġu mexxej ġdid (jew mexxejja ġdida).

    U jien ngħidilhom: “Tinkwetawx fuq ix-xejn! – Aħna tal-Labour differenti ferm minn tal-Partit Nazzjonalista. Aħna niġbdu ħabel wieħed u mhux niġbdu l-ħabel f’direzzjonijiet opposti! – Serrħu raskom mill-futur, basta nibqgħu naħdmu magħqudin flimkien kif qed nagħmlu bħalissa, għax fl-għaqda hemm is-saħħa.”

    Nagħlaq billi nikkwota lil Dr Joseph Muscat: “L-isbaħ żmien għal dan il-pajjiż għadu ġej.” – Iva, anke wara li jwarrab Dr Muscat imma, naturalment, dejjem grazzi għall-ħidma li wettqu hu u t-tim tiegħu matul l-aħħar snin.