Home Il-ħlewwa ta’ Għawdex

    Il-ħlewwa ta’ Għawdex

    2 minuti qari

    Kont bilqiegħda mal-art għad-dell, dahri mistrieħ ma’ ħajt tas-sejjieħ nistkenn mir-raġġi tax-xemx qalila. Żiffa sħuna mellsitli wiċċi.

    Kont fuq sies, ħarsti mifruxa lejn wied li jiżvolġi fix-xtajta  ċkejkna ta’ Mġarr ix-Xini, taħt ir-riħ tax-Xewkija. Fl-imgħoddi, xi wċuħ tal-baħar kienu jinkalawhom minn din id-daħla baħar kennija bejn żewġ ilsna ta’ art, mgħassa mit-torri ta’ żmien l-Ordni li jġib l-istess isem.

    Minkejja l-qilla u n-nixfa tas-sajf, il-bijodiversità tal-pjanti u s-siġar endemiċi fil-wied u l-ġnub imserrpa tas-sisien tiegħu kienu jixhdu ħajja u ġmiel ta’ pajsaġġ li jgħaxxaq. Ebda għasfur ma nstema’ jsaffar jew jittajjar ’l hawn u ’l hinn, iżda tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod instemgħu l-iwrieżaq iwerżqu.

    Din il-kantuniera tal-gżejjer tagħna kont ili ma nżurha. Il-ħemda u d-deżolazzjoni huma uniċi. Wara kollox, il-mogħdija li tagħti għal dan il-post ma tantx hi magħrufa u hi wkoll xi ftit skabruża.

    Qattajt aktar minn siegħa hemm ngħarrex il-ġmiel naturali.  Lanqas naf kif tar il-ħin. Imxejt għal fejn kont ipparkjat u ħarist lejn Imġarr ix-Xini miżgħud b’dgħajjes u jottijiet lussużi. Tlaqt lura għal għonq it-triq lejn ix-Xewkija.

    Fi triqti, ma stajtx ma ninnutax it-telqa ta’ ċertu wċuħ tar-raba’, it-tfigħ ta’ radam tal-kostruzzjoni f’xi bnadi u l-attività ta’ xi bini tiela’ fuq art ’il barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ).  Iżda bla dubju, l-akbar sagrileġġ kien il-mod kif numru ta’ ħbula nbidlu fi scrap yard ta’ karozzi pparkjati waħda fejn l-oħra.

    “Possibbli?” għedt bejni u bejn ruħi. “Dan kif inhu ttollerat mill-awtoritajiet?” Ninkedd għal pajjiżi. Din l-attitudni tixhed li l-wirt naturali Għawdxi hu mhedded ukoll. Is-sid donnu ried jaħbi dnubietu billi jħaddar bis-siġar. “Ħallina.” Jidher li hawn min qed jiddakkar mill-ħażin li qed iseħħ f’Malta.

    Għawdex hu vetrina ta’ valur ekoloġiku. Fi gżira li tiftaħar li hi EkoGħawdex, l-ebda kantuniera ma tista’ tixhed telqa.

    Il-ħlewwa ta’ Għawdex hi ġawhra…anzi “Int djamant”.