Home “Da x’tajtni, mank fhimt kelma?”

    “Da x’tajtni, mank fhimt kelma?”

    3 minuti qari
    Jyotirmoy Gupta, Unsplash

    Kont qed nixtri xi kartolini mingħand stationer – dawk il-ħwienet tipiċi tal-irħula Maltin li ssibilhom imrekken ftit minn kollox, minn biros sa xemgħat u usb sticks, sa gazzetti u kotba. U tal-ħanut, li kien drani nqalliblu fl-ixkaffa tal-kotba biex niċċekkja kemm kien hemm kotba minn tiegħi, staqsieni, “Ilu ma joħroġ xi ktieb tajjeb bil-Malti?”

    Ġa kont se nidħol awtomatikament f’marketing mode u naqbad il-litanija ta’ kotba li ħarġu fl-aħħar xhur, imma tal-ħanut waqqafni b’dal-kumment: “Imma mhux xi wieħed minn dawk il-kotba li l-klijenti jiġu lura u jgħiduli ‘Da x’tajtni, mank fhimt kelma?’ Hekk, ktieb bi storja tajba u mexxej, li jifhmu l-Malti tiegħu u jieħdu gost jaqrawh.”

    Tinstema’ rikjesta sempliċi. U ħafna minna li naħdmu fil-Malti, meta nisimgħu kumment hekk insiru difensivi u nattakkaw lill-qarrejja, ngħidu li huma għażżenin, li ma jirrispettawx il-Malti u li kieku jaqraw iżjed isiru iżjed familjari ma’ stili differenti ta’ kitba. Forsi hemm ftit verità f’kull wieħed minn dawn il-kummenti, imma veru wkoll illi l-qarrej għandu dritt sakrosant li jixtri dak li jogħġob lilu, u li jaqra dak li jinteressah u jogħġbu.

    U meta, dak il-ħin ġol-ħanut, bdejt inqalleb ftit f’moħħi għal lista ta’ kotba bil-Malti li setgħu jkunu dak li kien qed jitlobni tal-ħanut, indunajt li ftit li xejn stajt intih ismijiet.

    Għax, ejja ngħidu l-verità, fil-Malti għandna persentaġġ kbir ta’ kotba letterarji – uħud il-ġmiel tagħhom – illi trid ċerta dixxiplina u livell ta’ familjarità letterarja biex taqrahom u tieħu gost bihom. Kotba sbieħ immens, illi juru l-Malti kemm kapaċi jkun ilsien flessibbli u rikk, imma li jappellaw biss għal niche ta’ qarrejja.

    Din in-niche teżisti f’kull ilsien, naturalment – imma fiċ-ċokon ta’ Malta u tal-ammont ta’ qarrejja Maltin, jispikkaw ferm iżjed bħala kwantità dawn it-tip ta’ kotba illi ma jappellawx għal qarrej li sempliċiment irid jieħu ktieb miegħu fejn il-baħar u jgħaddi sagħtejn żmien. Kotba miktuba b’Malti tajjeb, b’sengħa ta’ min jaf kif taħdem in-narrattiva u bi plott intriganti. Imma aċċessibbli.

    Tajjeb li nfaħħru l-kotba “tqal”. Imma ejja ma ninsewx li ammont kbir ta’ qarrejja qed ifittxu – u wisq spiss ma jsibux – kotba tajbin bil-Malti li huma aċċessibbli u mexxejja. U – eħe – “mexxejja” mhix dagħwa jew kelma vulgari.

    Imbagħad ej ma niskantawx li jaqtgħu qalbhom mill-Malti u jduru għall-kotba bl-Ingliż.