Home It-traffiku, is-Central Link u d-disprament

    It-traffiku, is-Central Link u d-disprament

    6 minuti qari
    Miguela Xuereb

    F’dawn l-aħħar snin it-traffiku f’pajjiżna sar xi ħaġa tal-biża’, u għal kull sewwieq, ta’ disprament. Ħażin għalik jekk tkun trid tmur xi mkien u tkun mgħaġġel. Stenna traffiku mwaħħal fil-maġġor parti tal-ħinijiet tal-ġurnata. Jekk ikun is-sajf stenna li se titqadded fit-traffiku li ma jabbastax jieħu ruħ u li jdum ħin twil biex jiċċaqlaq. Jekk tkun imqar xita rxiexa stenna li s-sitwazzjoni se tkun ferm u ferm agħar. Jekk ikun hemm xi aċċident, anke żgħir, jaqbillek timxi.  Fuq kollox stenna sewwieqa speċjalment dawk iżgħar fl-età mimlija road rage u qżies speċjalment jekk ikollhom xi karozza armata, jew jekk ikunu qed isuqu l-vann tax-xogħol. F’Għawdex is-sitwazzjoni hija ftit aħjar minn Malta però mhix ’il bogħod.

    Jekk wieħed iħares lejn l-istatistika riċenti wieħed isib illi ta’ kuljum qed joħorġu fittoroq tagħna madwar 30 vettura. Ammont eseġerat għal pajjiż żgħir bħal tagħna. Minn naħa l-oħra għalkemm ma rajt l-ebda statistika ma naħsibx li qed jitneħħew xi ammont kbir ta karozzi mit-toroq billi jiġu skrappjati, anke tenut kont li l-Malti għandu karatteristika li vettura jrid jeħdilha sal-aħħar u jekk jista’ jkun jgħaddiha vintage ħalli jiffranka l-liċenzja tat-triq. Dawn il-fatturi kollha flimkien jagħmlu s-sitwazzjoni tat-traffiku f’Malta bħala waħda ta’ disprament.

    Il-Gvern milqut b’din il-problema serja li minnha jilmenta kull Malti, anke min ma jsuqx, imbarka fuq programm ta’ rikostruzzjoni u twessiegħ ta’ toroq. Dan l-aħħar ħareġ bil-proġett tas-Central Link. Proġett li jikkonsisti f’bini ta’ triq ġdida intiża biex tnaqqas il-problema tat-traffiku f’żona milquta waħda sew. Minn l-ewwel bdew il-kummenti, min jgħid li sew, min jgħid li mhux, min isegwi l-kulur politiku qabel jiddeċiedi, min jipprotesta u min jintrabat ma’ siġra.

    Filmat: “Central Link: Se jkun hemm aktar nies fil-protesta li jmiss”

    Jien ma nemminx li jien kompetenti biex nikkummenta fid-dettall fuq dan il-proġett. U bħali ma nemminx li l-poplu inġenerali hu l-ideali li jikkummenta. Huwa kompetenti biss biex jikkummenta min hu kapaċi jagħmel studju dwar l-impatt ta’ dan il-proġett, kemm l-impatt pożittiv ċioè t-tnaqqis tat-traffiku, kif ukoll in-negattiv, u ċioè l-prezz li għandu jitħallas għal dan il-proġett, primarjament fis-sens ta’ effetti ambjentali. Ikun prużuntuż li wieħed jgħid li dan il-proġett mhux tajjeb għax se jitneħħew xi siġar jew għax se tiġi affettwata xi art agrikola. Jekk dan il-proġett hu bżonnjuż u l-effetti pożittivi tiegħu se jkunu aktar minn l-effetti negattivi dak għandu jieħu preċedenza, akkost illi tinqala siġra li jekk ma tistax tiġi salvata billi tiġi rilokata banda oħra, isiru tnejn oħra minflokha. Iżda li tintrabat ma’ siġra għax daqslikieku s-salvazzjoni tas-siġra għandha tkun iċ-ċavetta jekk dak il-proġett isirx jew le hu fallaċi. Konvint li l-Gvern għamel l-istudji tiegħu tajjeb għax jekk ma għamilhomx sew ikun ħaqqu kull kundanna.

    Però dan apparti, fejn ma naqbilx jien hi l-strateġija li qed jaddottaw l-awtoritajiet li qed jonfqu ħafna flus biex jakkomodaw it-traffiku, fosthom kif diġà għedt it-twessiegħ ta’ toroq u proġetti bħas-Central Link. Nemmen illi l-awtoritajiet għandhom ikunu aktar ristrettivi fejn jidħol traffiku. Meta negozju jkun sejjer ħażin hemm żewġ rimedji. Jew tross iċ-ċintorin u taqta’ ċerta servizzi u ċerta affarijiet oħra biex tnaqqas l-ispejjeż. Jew inkella tkabbar in-negozju ħalli n-negozju jibda jirrendi minn banda oħra. Xi ħaġa bħal din pereżempju rajniha fl-Airmalta. Fejn fil-leġiżlatura li għaddiet l-Airmalta rasset iċ-ċintorin biex tiġi fuq saqajha, f’din il-leġiżlatura fetħet u twessgħet aktar biex jikbru s-servizzi u konsegwentament l-introjtu. Fil-każ tal-Airmalta jidher li t-tkabbir kellu aktar suċċess mill-issikkar. L-istess fit-traffiku. Jidher illi f’dan il-każ il-Gvern qiegħed iwessa’. Qiegħed jirranġa u jwessa’ t-toroq u joħloq toroq ġodda biex it-traffiku jkollu aktar mnejn jgħaddi bil-kumdità. Imma dan iħajjar aktar traffiku, u l-problema tiġi waħda ta’ ċirku vizzjuż.

    Nemmen illi kieku l-Gvern issikka ċ-ċintorin fejn jidħol traffiku s-sitwazzjoni kienet tkun ferm u ferm aħjar. F’pajjiżi li adottaw dan il-mudell rajna titjib sostanzjali fit-trasport pubbliku, mingħajr ma sar xejn biex iħajjar aktar traffiku. L-ispazji ta’ parkeġġ baqgħu li kienu anzi ħafna parkeġġi f’toroq pubbliċi saru bi ħlas. It-toroq ukoll baqgħu li kienu mingħajr ma sar twessiegħ jew toroq ġodda. Dan iħajjar lil individwu juża aktar it-trasport pubbliku, li mhux biss inaqqas it-traffiku fit-toroq, iżda indirettament jgħin inkwantu ta’ nuqqas ta’ tniġġis u konsiderazzjonijiet ambjentali oħra. Ovvjament biex jitħaddem dan il-mudell irid ikollok sistema ta’ trasport pubbliku kważi perfetta li tiggarantixxi kumdità għall-individwu li jrid jivjaġġa minn post għal ieħor. Xi darba kont smajt lill-Prim Ministru jgħid illi jrid jippromwovi aktar it-trasport pubbliku u anke kienet issemmiet li dan isir b’xejn. Però ma erġajt smajt xejn aktar dwarha. Xi pajjiżi li jħaddmu l-mudell ibbażat fuq it-trasport pubbliku bħala mezz ta’ tnaqqis tat-traffiku jipprovdu l-istess servizz bla ħlas.

    Nemmen li l-Gvern għandu jiskoraġġixi kemm jista’ jkun l-użu ta’ vetturi privati u jippromwovi soluzzjonijiet oħrajn. Twessa’ kemm twessa’ u tagħmel kemm tagħmel toroq xi darba se ssib il-limitu. Malta tagħna hi żgħira wisq u l-limitu se jintlaħaq malajr. Għalhekk nemmen illi tali soluzzjoni hija waħda biss short term. Il-Gvern irid jibda jaħseb fuq il-mudell l-ieħor li jiskoraġġixxi aktar l-użu tal-vetturi bħala s-soluzzjoni vera. Għal bidu tgergir se jkun hemm żġur. Kull bidla ġġib magħha xi ftit skumdità u tgergir, però eventwalment tali soluzzjoni ċertament se tħalli l-frott.

    Dr Kevin Mompalao huwa avukat li jispeċjalizza fil-liġi ċivili u amministrattiva