Home Dak li qatel il-ferħ ta’ qattus f’Għajn Tuffieħa se jgħaddiha lixxa?

    Dak li qatel il-ferħ ta’ qattus f’Għajn Tuffieħa se jgħaddiha lixxa?

    2 minuti qari

    Sena ilu, f’Għajn Tuffieħa saret azzjoni brutali u kundannabbli għall-aħħar kontra annimal fidil u li ma kien qed jagħti fastidju lil ħadd. Ferħ ta’ qattus li probabbli kien bil-ġuħ daħal fl-inħawi ta’ restorant f’Għajn Tuffieħa. Persuna li kienet hemm, f’wiċċ kulħadd u mingħajr ebda provokazzjoni, qatel lil dan il-ferħ ta’ qattus bl-iktar mod brutali.

    Aqra: Qattus maqtul f’Għajn Tuffieħa

    Jien kont nistenna li dak li wettaq dan l-att jittella’ arrestat għallinqas fi żmien ftit ġranet. Però, dan baqa’ ma sarx minkejja li għaddiet sena. Mhux hekk biss, imma ttellgħu quddiem il-qorti xi nies li kitbu dak li xi wħud qiesu bħala paroli żejjed dwar il-każ. Dawn wara ġew illiberati mill-akkużi kontrihom.

    Sinċerament, ma nistax nifhem kif każ li sar quddiem diversi xhieda baqa’ ma ġiex solvut. Bħala bniedem li nħobb ħafna l-annimali jiddispjaċini wkoll li f’pajjiżna għad għandna nies tant stupidi u moħħhom magħluq li meta jinqatel xi annimal, ikunu minn tal-ewwel li jesprimu l-injuranza tagħhom billi jgħaddu kummenti banali bħal: “u iva, dan l-għaġeb kollu fuq sempliċi annimal!” jew “hemm tant affarijiet importanti, se noqogħdu naħlu tant ħin fuq il-qtil ta’ annimal?” Uħud ukoll iħalltu ħaġa ma’ oħra bħal min jaħseb li huwa bravu ħafna għax jgħid li ninkwetaw fuq annimal u ma ninkwetawx fuq x’jiġrilhom il-migranti fuq il-baħar. Kumment banalissimu għax għandna ninkwetaw fuq it-tnejn.

    Nittama li dan il-każ ma jintesiex qisu ma ġara xejn għax jekk jiġri hekk, allura nkunu qed indaħħku n-nies bina meta ngħidu li aħna bħala pajjiż nieħdu l-ħarsien tal-annimali bis-serjetà. Min joqtol annimal brutalment huwa ta’ periklu għas-soċjetà kollha.