Home L-Artijiet: L-agħar fost id-Dipartimenti tal-Gvern?  

    L-Artijiet: L-agħar fost id-Dipartimenti tal-Gvern?  

    3 minuti qari

    Qabel kien id-Dipartiment tal-Artijiet jew il-Kummissarju tal-Artijiet. Fis-snin riċenti wara li feġġew xi skandli kienet saret taqliba li fosthom rat lil dan id-dipartiment jibdel ismu għall-Awtorità tal-Artijiet. F’Novembru li ġej nagħlaq 22 sena fil-professjoni ta’ avukat, snin li matulhom sfortunatament kelli nħabbat wiċċi diversi drabi ma dan id-dipartiment tal-biki.

    Illum se nitkellem mil-lat ta’ ċittadin privat u mhux se nidħol fi skandli li dan id-Dipartiment kien diżonerat bihom pubblikament, u li kienu s-suġġett ta’ investigazzjonijiet mill-Pulizija, inkjesti u l-bqija. Bħala avukat dmiri talab kemm-il darba li nintervjeni għal klijenti ma’ dan id-dipartiment u se nitkellem minn dak il-punt di vista.

    Minn l-ewwel snin tal-professjoni kien jidher evidenti li dan id-dipartiment kien wieħed fost l-agħar, jekk mhux l-agħar mid-dipartimenti kollha tal-Gvern. Kien dipartiment fejn jekk tibgħat ittra ma tieħu risposta qatt, ħafna drabi mank sempliċement acknowledgement. Jekk tirċievi acknowledgement u tipprova ssegwiha ma jirnexxilek qatt. Kien id-dipartiment, fejn mhux l-ewwel darba li sparixxew (taħt it-terminu ‘intilfu’) files ta’ klijenti meta l-aktar li kien hemm bżonnhom. Kien il-post fejn il-pressjoni tal-politiċi kienet tinħass l-aktar. Fejn f’każ fejn għandek raġun tibgħat talba u tispiċċa fil-bir tas-skieken; f’każijiet fejn ma għandekx raġun tikteb ittra mimlija falsitajiet u gideb u tieħu riżultat pożittiv għaliha fi żmien ġimgħa – Dawn l-affarijiet ikidduk aktar u aktar għax imbagħad trid tmur il-Qorti biex tieħu r-raġun tiegħek. Dawn l-affarijiet ġraw kemm taħt gvern u kemm taħt ieħor u qed nitkellimhom minn każijiet li nista’ nipprova.

    Tagħmel talba biex tifdi ċens taħt skema li tħabbret fil-Baġit 2002. Seba’ snin wara, għax tkun krabt kemm flaħt jibagħtulek ittra li aċċettaw it-talba tiegħek u jgħidulek kemm għandek tħallas u sal-lum tħabbat il-bibien għalxejn għax il-fidi għadu ma sarx.

    Dan id-dipartiment li joħroġ it-tenders għal akkwist ta’ proprjetà tal-Gvern. Kont tiltaqa’ ma’ każi fejn minkejja li jkollok l-aktar offerta vantaġġuża, issir xi ħaġa minn wara l-kwinti biex dik l-offerta ma tintlaqax. Mhux l-ewwel darba li fejn kien jissemma dan id-dipartiment kien jissemma li biex tasal trid tirreferi għall-korruzzjoni. Dipartiment li kien diżorganizzat għall-aħħar b’operat xokkanti.

    Wara li dan id-dipartiment sar Awtorità l-affarijiet imxew xi ftit ’il quddiem però mhux wisq. Baqa’ ħafna xi jsir. Għadek sal-lum jekk tibgħat ittra tasal sal-acknowledgement bir-risposta tasal snin wara jew ma tasal qatt. Għadek sal-lum ma tiħux risposta għal problemi tiegħek b’Qajfa jibgħatek għand Pilatu u lura. Tistgħaġeb kif ċertu nies għadhom effettivi fil-pressjonijiet li jagħmlu. Tistgħaġeb kif dan hu dipartiment li diffiċli tasal miegħu biex imbagħad hemm min jasal mil-lum għall-għada, bl-Awtorità anke tkun disposta tipproċedi anke bi ksur tal-liġi biex takkomoda nies privati.

    Frankament ma nafx is-soluzzjoni għal dan id-dipartiment x’tista tkun. Hemm min hu ġenwin u jipprova jgħinek, iżda jidher illi l-virus li tkattar matul numru twal ta’ snin mhux se teqirdu billi minflok Dipartiment issejjaħlu Awtorità. Nerġa’ ntenni m’iniex ngħid illi ċerta affarijiet ma ġewx ’il quddiem għal kif kienu snin ilu iżda baqa’ ħafna xi jsir, u l-Artijiet xorta għadu fl-opinjoni tiegħi wieħed mill-agħar dipartimenti tal-Gvern.